Friday, April 19, 2024

IL-MITT SENA TAL-LABOUR

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ritratt: ALAN SALIBA

Il-mitt sena ta’ ħajja li l-Partit Laburista qed jiċċelebra dis-sena għandu jkun okkażjoni biex dawk kollha li jemmnu fl-ideali tal-Partit jirriflettu dwarhom u kif jgħoddu għaż-żminijiet tal-lum. Kif għandhom jitfissru. Kif għandhom jitħaddmu. Kif għandhom jiġġeddu. 

Matul ħajtu, il-PL għadda minn diversi bidliet, ġarrab esperjenzi drammatiċi, wettaq riformi tal-akbar importanza, għamel żbalji kbar u żgħar, għamel kisbiet enormi għall-pajjiż, daqqa staġna, daqqa ġġedded.

Ir-riflessjoni li ssir dwar dan kollu ma trid tħalli l-ebda spazju għal xi sens ta’ inferjorità kulturali jew intellettwali fir-rigward tal-mod kif nitkellmu u nqisu r-realtajiet ta’ madwarna. Hekk xi kultant ġara matul l-aħħar mitt sena, daqqa konxjament, daqqa le. B’hekk, il-valuri… anzi l-preġudizzji… ta’ persuni distakkati jew kuntrarji għall-PL ġieli ġew injettati fid-diskors Laburista. Mentri dawk li ppriedkaw bl-akbar qdusija kontra l-PL, ta’ sikwit kont issibhom fi żmenijiet differenti targa tal-aqwa arroganzi u abbużi. 

BIDLA JEW RIFORMA?

Kull bidla li ssir qed titlaqqam riforma. 

Kien hemm żmien meta “riforma” kienet tfisseer bidla mill-qiegħ, intiża biex l-affarijiet jimxu għall-aħjar, kemm jekk diġà huma tajba, kemm jekk jinsabu ħażin. Anke r-riforma ta’ Luteru li għal xi sekli fid-dinja Kattolika tqieset bħala l-aqwa dnub, illum sabet għarfien li wettqet ċaqliqa siewja ħafna lejn prattika reliġjuża aktar nadifa.

Daż-żmien, jekk xi bankini jiġu miksija b’qatran aktar ċar, dik tissejjaħ riforma. Jekk il-bibien tal-iskejjel jibdew jingħalqu min-naħa tax-xellug minflok mil-lemin, hemm ukoll, għandek riforma. U jekk it-tindif tat-toroq jibda jsiru kull tliet ijiem minflok kull jumejn… e, hemm ara, għandek riforma. 

F’pajjiżna naħseb li l-aktar wieħed li jaħti għal dan l-iżvalutar tal-kelma riforma hu l-eks ministru Nazzjonalista Louis Galea. Bħala ministru tal-politika soċjali kien daħħal il-moda li ssejjaħ kull irtokk “riforma”.

SWIEQ KAPITALI

Fit-twaqqif ta’ suq wieħed Ewropew, ħolqa ewlenija għadha lura milli ssir realtà – dik li biha l-fondi li jiġu investiti minn banek, kumpaniji kbar u żgħar, jew individwi jistgħu jinfirxu faċilment ma’ kull rokna tal-Ewropa, għall-bejgħ u għax-xiri. Ħaġa bħal din torbot ma’ kemm l-ekonomija tal-Ewropa kollha tkun tista’ tiżviluppa b’rata li tieħu kull vantaġġ mid-daqs kontinentali tagħha.

Fl-aħħar għaxar snin, sar sforz mill-Kummissjoni Ewropea f’din id-direzzjoni. Ma tantx irnexxa. Issa beda jsir it-tieni sforz: il-Kummissjoni daqt tħabbar il-pjan ġdid tagħha biex is-swieq kapitali Ewropej jingħaqdu. Fil-Parlament Ewropew qed inħejju riżoluzzjoni dwar l-istess ħaġa.

Il-problema fondamentali madankollu hi li fl-Ewropa ma tezistix il-kultura li ċ-ċittadini u l-familji jinvestu t-tfaddil tagħhom fl-ishma.  Jippreferu jżommuhom fil-banek.

Sport