Saturday, December 21, 2024

IL-MIXJA LEJN AKTAR DRITTIJIET ĊIVILI

Aqra wkoll

Pajjiżna huwa ewlieni fl-Ewropa għad-drittijiet ċivili li kienu introdotti f’dawn l-aħħar snin mill-Gvern Laburista. Ħadd ma jista’ jiċħad li xi wħud minn dawn ir-riformi lanqas biss f’moħħ is-soċjetà fosthom iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u anke ngħataw id-dritt li dawn jadottaw lit-tfal.

Minkejja li saru dawn il-passi kbar ‘il quddiem fl-għoti tad-drittijiet, pajjiżna għadu ma laħaqx il-quċċata ta’ fejn irid jasal f’dawn l-istess drittijiet. Tant li fil-midja soċjali għadhom jinkitbu messaġġi u jingħad kliem ta’ mibegħda fil-konfront ta’ dawn il-persuni.

Huwa proprju hawnhekk li wieħed irid jistaqsi jekk il-qafas ta’ dawn il-liġijiet progressivi humiex jilħqu l-iskopijiet li għalihom saru. Ta’ min jistaqsi wkoll jekk dawn l-istess liġijiet humiex konverġenti jew paralleli mat-tendenzi tas-soċjetà li qed ngħixu fiha llum.

Mhux faċli li jkun hawn tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet fl-immedjat. Dawn jeħtieġu studju profond, soċjologu biex wieħed ikejjel fejn wasalna f’dawn l-oqsma tant delikati llum.

Jidher li l-Gvern se jkompli għaddej bir-riformi għaliex fi kliem il-Prim Ministru Robert Abela stess, minkejja s-suċċessi u avvanzi leġiżlattivi li pajjiżna għamel, dawn l-istess avvanzi jħeġġuna biex inkomplu nilleġiżlaw favur il-komunità tal-persuni LGBTIQ+. Għaliex dawn ma jistgħux jitwarrbu fil-ġenb, jiġu minsija jew ibatu minn xi forma ta’ diskriminazzjoni.

Dan kollu jfisser li dan il-pajjiż verament jemmen fl-inklussività, jilqa’ lil kulħadd fi ħdanu bla ebda biża’ ta’ riperkussjonijiet. Dawn il-persuni ma jistgħux jitħallew fid-dell ta’ dak li jkun qed iseħħ fis-soċjetà fil-mixja tagħha lejn il-moderniżmu.
Għaldaqstant, għemejjel li kien meqjusa bħala tal-medju evu m’għandhomx jibqa’ jkun hemm lok għalihom fis-soċjetà tagħna tal-lum. Nilqgħu b’sodisfazzjon l-aħbar mill-Prim Ministru li se jkun hemm sit li jiġbor il-bżonnijiet kollha ta’ dawn il-persuni taħt saqaf wieħed.

B’dan pajjiżna qed juri li hu tassew tolleranti u lesti li jkisser kull diskriminazzjoni f’kull forma tagħha. Għalhekk mhumiex flokhom il-kummenti dispreġġjattivi li saru u għadhom isiru fil-midja soċjali dwar il-fatt li pajjiżna organizza l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-EuroPride, li jgħaqqad flimkien persuni LGBTIQ+ minn bosta pajjiżi Ewropej.

Ekonomija

Sport