Friday, October 4, 2024

Illum jitla’ s-siparju tal-BOV Kampjonat Premier 2023/24 – Iċ-champions Hamrun S. kontra Balzan

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Illum jitla’ s-siparju tal-BOV Kampjonat Premier għall-istaġun 2023/24 bl-ewwel partita tkun dik bejn Marsaxlokk v Naxxar Lions. 

Iżda ċ-champions Hamrun Spartans jkunu nvoluti f’waħda mill-aqwa żewġ partiti ta’ dan il-programm fejn jibdew id-difiża tar-  rebħ tat-titlu b’logħba diffiċli kontra Balzan. 

Anke l-konfront bejn Bir­­kirkara u Sliema Wanderers għandu jkun wieħed attraenti fejn il-Blues jirritornaw mal-kbar wara sta­ġun fiċ-Challenge League. 

Floriana v Valletta għandhom partiti delikati meta jaffrontaw lil Sta Lucia u lil Sirens rispettivament filwaqt li l-partita bejn Mosta u Gudja United għandha tkun waħda bilanċjata. 

F’dan l-istaġun, kull punt jgħodd mitqlu deheb speċjalment għal dawk it-timijiet li se jinqabdu fiż-żona tar-relegazzjoni minħabba li din id-darba erba’ timijiet se jitilfu posthom mal-elite hekk kif mill-istaġun li ġej il-Premier League se jkun kompost minn 12-il team … u għaldaqstant jiġu promossi żewġ timijiet miċ-Challenge League. 

Hamrun Spartans v Balzan  – Din hija l-partita li l-aktar li tispikka fl-ewwel ġurnata  ta’ dan l-istaġun. 

Iż-żewġ timijiet irrap­preżentaw lil pajjiżna fil- kompetizzjonijiet Ewropej fejn l-Ispartans, li bdew l-avventura tagħhom fil-UEFA Champions League, sfaw eliminati fil-play-offs tal- UEFA Conference League wara li kienu ħarġu telliefa b’aggregate ta’ 8-2 kontra Ferenc­varos. 

Min-naħa ta’ Balzan, dawn waqfu jilagħbu fit-tieni round tal-istess kompetizzjoni meta sfaw megħluba minn Neman Grodno, tal-Belarus, bl-aggregate ta’ 2-0. 

Iżda ż-żewġ timijiet huma armati tajjeb ħafna u qed jitqiesu wkoll fost l-isfidanti għar-rebħ tat-titlu. 

Gzira U. v Hibernians  – Din il-partita hija meqjusa bħala waħda bilanċjata. 

Filwaqt li l-Gżirjani diġá bdew jilagħbu partiti kompetittivi meta ħadu sehem fil-UEFA Conference League, Hibernians iridu jpattu għad-diżappunt tal-istaġun li għadda meta ma rnexxielhomx jikkwalifikaw meta kienu tilfu l-play-off kontra Balzan. 

Il-Maroons diġá wrew il-potenzjal tagħhom meta dawn ħarġu mill-kompetiz­zjoni Ewropea fit-tielet round wara li tilfu bl-aggregate ta’ 6-1 kontra t-team qaw­wi mir-Repubblika Ċe­ka, Viktoria Plzen. 

Dan huwa konfront dirett għan-naħa ta’ fuq tal-klassifika u għalaqstant telfa xejn ma tissodisfa l-kriterji taż-żewġ timijiet. 

Marsaxlokk v Naxxar L.   – Din il-partita tiftaħ l-istaġun hekk kif Marsaxlokk jaffrontaw lit-team pormoss ta’ Naxxar Lions li qed jagħmel ir-ritorn tiegħu fl-ogħla diviżjoni wara nu­qqas ta’ sitt snin meta l-aħħar darba li lagħbu fil-Premier League kien nhar l-20 ta’ April, 2018, meta sellmu lill-ogħla diviżjoni b’rebħa ta’ 3-0 fuq Sen­glea Athletic.

Bla dubju, Marsaxlokk iridu jinsew id-diżappunt tal-istaġun li għadda meta spiċċaw fil-11-il post u kien lejn l-aħħar ġimgħat li aċċertaw ruħhom mis-salvazzjoni.  

Birkirkara v Sliema W.  – Din il-partita għandha tkun ferm interessanti bejn sfidant ewlieni għar-rebħ tat-titlu kontra team promoss. 

Wieħed jawgura r-ritorn ta’ Sliema Wanderers fl-ogħla diviżjoni meta sa ftit snin ilu kienu jgawdu l-istatus ta’ wieħed mill-ġganti tal-football Malti liema club ipprodoċua patafjun ta’ players leġġendarji minbarra li jistgħu jiftaħru li, flimkien mar-rivali Floriana, rebħu l-aktar drabi l-Kampjonat … b’total ta’ 26.

Peró f’dawn l-aħħar huma għaddew minn sitwazzjonijiet diffiċli biex tilfu l-profil tagħhom fil-Premier. 

Minkejja li Birkrikara ddiżapuntaw fl-Ewropa me­ta sfaw eliminati fl-ew­wel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference kontra NK Maribor, bl-aggregate ta’ 3-2, huwa xorta waħda għandhom team qawwi u jidher li se jħabbtu liċ-champions Hamrun Spartans. 

Sta Lucia v Floriana – Sta Lucia jridu jinsew id-diżappunt tal-istaġun li għadda meta temmew punt fuq iż- żona l-ħamra biex skappaw ir-relegazzjoni meta fir-Re­legation/Promotion Play-Off għelbu lit-team taċ-Challenge League, Zejtun Corinthians, 2-0.

Din id-darba jridu jaħ­dmu aktar konxji mill-fatt li erba’ timijiet se jitilfu posthom. 

Kien mistenni ħafna minn Floriana, fl-istaġun pre­­­ċedenti, iżda temmew f’nofs il-klassifika, b’punti daqs ir-rivali eterni Valletta – 37.

Il-Greens għamlu bidla sinifikanti fl-istaff tekniku meta ħatru lil Mauro Camoranesi bħala coach. 

Il-mistoqsija se tkun jekk dan il-coach Italo-Arġentin bl-esperjenza li għandu huwiex kapaċi jagħmel lil Floriana team kompetittiv. 

Valletta v Sirens – Valletta jiltqgħu kontra Sirens hekk kif iż-żewġ timijiet jimmiraw li jkollhom staġun aħjar minn dak preċedenti, bil-Pawlini setgħu nqabdu fix-xibka tar-relegazzjoni me­­ta spiċċaw fid-disa’ post tal-klassifika. 

Peró, interessanti huwa l-fatt li f’dan is-sajf, Sirens iffirmaw xejn inqas minn disa’ players taċ-champions tal-Ghana, Medeama FC. 

Fl-istorja tal-football Malti qatt ma ġara każ bħal dan u allura l-attenzjoni kollha se tkun fuq dawn il-players Afrikani. 

L-aspettattivi ta’ Valletta huma għoljin immens wara d-diżappunt tal-istaġun li għadda u għaldaqstant bl-akkwisti validi li għamlu, jistgħu jinħakmu minn xi ftit tal-pressjoni.

Mosta v Gudja U.  – Dan il-konfront se jkun ripetiz­zjoni tal-istaġun li għadda hekk kif iltaqgħu wkoll fl-ewwel ġurnata fejn dak in-nhar Gudja United kienu għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-1. 

Iżda eventwalment Mosta temmew l-istaġun fir-raba’ post, flimkien ma’ Hibernians u Balzan, filwaqt li l-Gudjani temmew fl-10 pożizzjoni. 

Dan huwa konfront meq­jus bħala bilanċjat li jista’ jmur kull naħa.   

Sport