Is-Sibt wara nofsinhar, il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar attendiet għall-Mixja tal-Pride fil-Belt Valletta, organizzata mill-Allied Rainbow Communities.
Il-Pride għandu l-għeruq tiegħu fil-ġlieda għall-viżibbiltà, għad-drittijiet u għall-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ+. F’Malta, l-ewwel Mixja tal-Pride saret fl-2004 u minn dakinhar kibret f’avveniment nazzjonali li jiġbor flimkien eluf ta’ persuni.
Il-Ministru Rosianne Cutajar enfasizzat li l-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jibni soċjetà fejn kull persuna tkun tista’ tgħix b’dinjità, b’rispett u b’mod awtentiku, ħielsa mid-diskriminazzjoni u mill-esklużjoni.
Il-Ministru Cutajar qalet li għalkemm Malta għamlet passi importanti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ugwaljanza, għad hemm persuni li jġarrbu preġudizzju, biża’ jew esklużjoni. Sostniet li l-Gvern se jkompli jaħdem biex kull persuna, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali, mill-identità tal-ġeneru jew minn kull status ieħor, tgawdi d-drittijiet tagħha bis-sħiħ, ikollha aċċess ugwali għall-opportunitajiet u tħossha sigura fil-komunità tagħha.
Il-Pride jibqa’ importanti mhux biss bħala ċelebrazzjoni tal-kisbiet li saru matul is-snin, iżda wkoll bħala opportunità biex inkomplu nqajmu kuxjenza dwar ir-realtajiet li għadhom jiffaċċjaw persuni LGBTIQ+. Huwa wkoll mument li jfakkarna fir-responsabbiltà kollettiva tagħna biex nkomplu nsaħħu ir-rispett, l-inklużjoni u l-ugwaljanza fis-soċjetà tagħna.
“Ir-rispett, l-inklużjoni u l-ugwaljanza mhumiex messaġġ għal ġimgħa waħda biss, iżda impenn li jmexxina matul is-sena kollha. Aħna kommessi li nkomplu l-ħidma favur Malta aktar ġusta, aktar ugwali u aktar magħquda, fejn kull persuna tkun tista’ tħobb lil min trid, tesprimi l-identità tagħha liberament, tgħix b’dinjità u tagħti sehemha fis-soċjetà mingħajr ma tkun imxekkla mill-preġudizzji u d-diskriminazzjoni,” temmet tgħid il-Ministru Cutajar.

