Ix-xogħlijiet ta’ rijabilitazzjoni tal-widien f’Għawdex qed ikomplu, b’fokus ewlieni fuq it-tneħħija kkontrollata ta’ pjanti aljeni invażivi, it-tindif tal-mogħdijiet tal-ilma u t-tneħħija ta’ sediment u materjal ieħor akkumulat.
Il-pjanti invażivi jistgħu jinfirxu malajr, jiddominaw il-veġetazzjoni tal-madwar u jillimitaw l-ispazju disponibbli għall-ispeċi indiġeni. Għalhekk, ix-xogħol qed jiffoka fuq it-tneħħija tal-veġetazzjoni invażiva u ta’ tkabbir li jfixkel kemm il-funzjoni ekoloġika tal-wied kif ukoll il-fluss naturali tal-ilma.
Dan mhuwiex tindif indiskriminat tal-veġetazzjoni kollha. Il-veġetazzjoni indiġena u s-siġar stabbiliti qed jinżammu u jiġu protetti. B’hekk, l-ispeċi lokali jingħataw aktar spazju biex jerġgħu jistabbilixxu ruħhom b’mod naturali, filwaqt li jissaħħu l-ħabitats u l-bijodiversità tal-widien.
Ix-xogħlijiet huma wkoll parti mit-tħejjijiet għall-istaġun tax-xitwa. It-tneħħija ta’ veġetazzjoni densa, sediment, ħamrija u materjal li jostakola l-kanali tgħin biex:
- jinżammu l-mogħdijiet tal-ilma aktar nodfa u miftuħa;
- tiżdied il-kapaċità tal-widien li jilqgħu, jiġbru u jżommu l-ilma tax-xita;
- jitnaqqas ir-riskju ta’ sadd u gharar lokalizzat waqt perjodi ta’ xita qawwija;
- jitjiebu l-kundizzjonijiet ambjentali għall-ispeċi indiġeni u l-bijodiversità.
Il-programm ta’ riabilitazzjoni jkopri dawn il-widien:
- Wied il-Kbir, San Lawrenz – ix-xogħlijiet fit-tieni parti għaddejjin bħalissa;
- Wied tal-Marga, il-Qala – ix-xogħlijiet għaddejjin bħalissa;
- Wied tal-Grazzja, magħruf ukoll bħala Wied tas-Salve Regina;
- Wied ta’ Marsalforn, magħruf ukoll bħala Ta’ Kittina;
- Wied ta’ Xħajma, il-parti ta’ fuq;
- Wied ta’ Mġarr ix-Xini;
- Wied tal-Imġarr, Għajnsielem;
- Wied l-Infern.
F’Wied tal-Grazzja tneħħa wkoll materjal li kien intrema illegalment, bħala parti mill-intervent usa’ ta’ tindif u riabilitazzjoni.
Mill- Wied tal-Grazzja, Wied ta’ Marsalforn, Wied ta’ Xħajma u Wied ta’ Mġarr ix-Xini, b’mod kumulattiv: tnaddfet mill-veġetazzjoni erja ta’ aktar minn 23,000 m²; tneħħew jew ġew skavati aktar minn 34,000 m³ ta’ materjal.
Permezz ta’ dawn l-interventi, il-widien qed jiġu ppreparati aħjar għax-xhur tax-xitwa, filwaqt li qed tittejjeb il-kapaċità tagħhom għall-ġbir tal-ilma u jinħoloq ambjent aktar favorevoli għall-irkupru tal-ispeċi indiġeni u l-bijodiversità.

