100 jum ta’ ħidma, b’riżultati u viżjoni

Tikteb Alicia Bugeja Said, Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali

Aqra wkoll

Mitt jum jistgħu jidhru ftit fil-ħajja ta’ leġiżlatura. Iżda huma biżżejjed biex juru d-direzzjoni li Gvern irid jieħu u, fuq kollox, biex jibda jwettaq il-fiduċja li jkun tah il-poplu.

Fis-6 ta’ Settembru niċċelebraw l-ewwel mitt jum minn meta l-poplu Malti u Għawdxi reġa’ ta l-fiduċja tiegħu lill-Partit Laburista u lill-Prim Ministru Robert Abela biex imexxi lil pajjiżna. Għalija dawn kienu mitt jum partikolari ħafna: żmien ta’ ħidma, ta’ responsabbiltà mġedda bħala Segretarju Parlamentari għall-Ħarsien tal-Annimali, iżda wkoll żmien li fih, fuq livell personali, kelli x-xorti nilqa’ fid-dinja liċ-ċkejkna Maelle.

Il-mandat li ngħatajna fl-aħħar ta’ Mejju kien wieħed ċar. Il-poplu reġa’ għażel Gvern li jkompli jmexxi pajjiżna ’l quddiem, iżda fl-istess waqt li jisma’, jinbidel fejn hemm bżonn u jwieġeb għar-realtajiet ġodda tal-familji Maltin u l-Għawdxin.

Dan diġà qed narawh iseħħ.

Fl-ewwel mitt jum diġà tħabbru u bdew jitwettqu diversi inizjattivi li jolqtu direttament il-ħajja tan-nies. Fosthom insibu aktar sostenn lill-first-time buyers, inkluż għajnuna msaħħa għall-persuni b’diżabilità, Secure Facility ġdid f’Ħal Għargħur għal adolexxenti taħt it-18-il sena, kif ukoll investiment fil-komunitajiet tagħna permezz tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali. Fil-qasam tas-saħħa, investiment ta’ €130 miljun se jwassal għat-tkabbir tad-Dipartiment tal-Emerġenza f’Mater Dei u għal sptar ġdid tas-saħħa mentali b’135 sodda.

Dawn huma inizjattivi differenti, iżda warajhom hemm prinċipju wieħed: li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna jkompli jissarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar u f’servizzi li jilħqu lin-nies fejn verament għandhom bżonnhom.

Il-ħarsien tal-annimali jibqa’ prijorità

Din l-istess viżjoni qed tirrifletti wkoll il-ħidma li komplejna nwettqu fis-Segretarjat Parlmentari għall-Ħarsien tal-Annimali. Bil-ħatra mill-ġdid tiegħi f’dan l-irwol, din id-darba b’responsabbiltà ffukata speċifikament fuq il-ħarsien tal-annimali, ridt li nkomplu nibnu fuq dak li wettaqna fil-leġiżlatura li għaddiet, iżda fl-istess ħin inżidu r-ritmu fejn nafu li hemm aktar xi jsir.

Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet importanti kienet il-ħatra tal-Ispettur Elliot Magro bħala Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali. Elliot iġib miegħu aktar minn għoxrin sena esperjenza fil-Korp tal-Pulizija, inkluż esperjenza diretta fl-infurzar f’każijiet ta’ moħqrija u trattament ħażin tal-annimali. 

Fl-istess perjodu komplejna naħdmu fuq miżuri importanti u, fejn kien meħtieġ, ħadna deċiżjonijiet immedjati.

Hekk kif pajjiżna qed esperjenza temperaturi estremi matul is-sajf, ma ridniex nistennew li sseħħ problema biex naġixxu. Wara djalogu mar-rappreżentanti tal-kuċċiera, ħadna l-miżura preventiva li l-karozzini ma jkunux jistgħu joperaw kull meta l-Uffiċċju Meteoroloġiku joħroġ Red Alert – Extreme Heat Warning. Dan wara li l-istess Gvern Laburista fl-2019 introduċa l-ħinijiet tal-karrozzini għal matul is-sajf, li jipprojbixxu l-operat tal-karrozzini bejn is-1:00 p.m. u l-4:00 p.m..

Dejjem emmint li l-politika tal-ħarsien tal-annimali trid tinbena fuq id-djalogu. Għaldaqstant, id-diskussjonijiet se jkunu qed ikomplu wara s-sajf biex tinstab l-aħjar soluzzjoni fl-aqwa interess tal-annimali.

Irridu nisimgħu lill-attivisti u lill-għaqdiet volontarji, lill-professjonisti u lill-veterinarji, lis-sidien tal-annimali u lil dawk li l-għajxien tagħhom huwa marbut magħhom. Mhux dejjem se naqblu fuq kollox, iżda rridu nibqgħu kapaċi noqogħdu madwar mejda u nsibu soluzzjonijiet li jtejbu l-benesseri tal-annimali.

Pass importanti fir-ristrutturar tal-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali

Forsi wieħed mill-aktar proġetti mistennija fil-qasam huwa l-Isptar Veterinarju Nazzjonali f’Ta’ Qali.

Illum ninsabu fi stadju importanti ħafna. Ix-xogħol infrastrutturali avvanza u t-tagħmir modern meħtieġ biex il-faċilità tkun tista’ topera qed jasal u jiġi installat. L-isptar se jkollu wkoll rwol importanti fit-taħriġ kliniku tal-istudenti li qed isegwu l-programmi veterinarji tal-MCAST.

Għalhekk issa l-ħidma trid tkompli fuq il-fażi kruċjali li jmiss: it-tħejjija tal-operat tiegħu. Dan ifisser li nibnu l-istrutturi amministrattivi u professjonali meħtieġa u niżguraw li jkun hemm ir-riżorsi umani u l-professjonisti li servizz veterinarju modern jirrikjedi.

L-għan tagħna jibqa’ ċar: li l-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali jkun servizz pubbliku ta’ kwalità, b’servizz ta’ emerġenza 24 siegħa kuljum, filwaqt li jkun ukoll ċentru ta’ tagħlim u taħriġ għall-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ professjonisti veterinarji Maltin.

Dan huwa investiment mhux biss f’faċilità, iżda f’sistema sħiħa ta’ kura veterinarja li rridu naraw tissaħħaħ fis-snin li ġejjin.

Mitt jum huma biss il-bidu

Meta nħarsu lejn dawn l-ewwel mitt jum, għandna għalfejn inkunu sodisfatti bir-rittmu li bih bdiet din il-leġiżlatura. Iżda dan huwa biss il-bidu. Fil-ħarsien tal-annimali fadal ħafna xi jsir, fosthom aktar ħidma fl-infurzar, il-prevenzjoni u l-edukazzjoni, servizzi veterinarji aħjar u kollaborazzjoni kontinwa mal-għaqdiet u l-voluntiera.

Għalija, dawn il-mitt jum kellhom ukoll tifsira personali speċjali. Ftit ġranet ilu jien u żewġi Malcolm u t-tifla tagħna Margaux, kellna l-ferħ nilqgħu fid-dinja lit-tieni wild tagħna, Maelle.

Li ssir omm waqt li ġġorr responsabbiltà pubblika tfakkrek għaliex il-politika għandha dejjem tħares lil hinn mil-lum, lejn il-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Għalhekk, dawn il-mitt jum huma biss il-bidu ta’ ħidma li rridu nkomplu nwettqu bil-fiduċja li tana l-poplu u bir-responsabbiltà li ġġib magħha.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport