L-Ingilterra kkwalifikaw għall-kwarti-finali tal-UEFA Nations League minn Grupp A3, flimkien ma’ Spanja, meta barra minn darhom għelbu lill-Kroazja bl-iskor ta’ 7-0 hekk kif fl-ewwel taqsima daħlu jistrieħu bl-iskor ta’ 4-0.
Il-partita ntlagħbet fl-istadium ta’ HNK Rijeka fejn kellha tkun bil-bibien magħluqa minħabba passi dixxiplinari imposti fuq il-Kroati. Peró għal din il-partita tħallew jidħlu 6,000 tifel u tifla minn 14-il skola differenti u akkademji tal-football, kollha b’xejn, hekk kif jistipulaw ir-regolamenti tal-UEFA, bil-ground ikun 75% mimli.
Intant, din ix-xalata ta’ goals bdiet wara biss tmien minuti meta Jude Bellingham għadda through-pass lejn Harry Kane li sab l-ispazju u xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.
Imbagħad, fil-21 minuta, l-istess Bellingham irdoppja wara azzjoni bejn Bukayo Saka u Anthony Gordon.
Fid-39 minuta, imbagħad kien imiss lil Gordon li jkompli jkabbar l-iskor meta mill-cross ta’ Jarell Quansah xeħet il-ballun fix-xibka bir-ras.
Fil-41 minuta, il-Kroati fallew ċans kbir li jnaqqsu l-marġni tal-iskor meta Mateo Kovacic approfitta minn żball difensiv iżda quddiem lasti vojta għamel l-impossibbli u xeħet barra.
U fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, l-Ingliżi daħlu jistrieħu fil-vantaġġ ta’ erba’ goals permezz ta’ Bukayo Saka wara kombinazzjoni bejn Bellingham u Gordon.
It-tieni taqsima kienet waħda ta’ formalitá … iżda fit-53 minuta, Harry Kane rreġistra d-doppjetta personali meta rtokka l-ballun fix-xibka mill-pass ta’ Elliot Anderson.
Fit-68 minuta, l-Ingliżi skorjaw is-sitt goal minn Saka, li bħal Kane skorja żewġ goals, meta approfitta minn żball difensiv … beda l-azzjoni u temmha b’xutt fix-xibka … biex fit-87 minuta, Morgan Rogers, issiġilla din il-passiġġata!





