Kien apparat speċjalizzat tal-FBI li wassal biex jiġu identifikati l-postijiet kruċjali li minnhom ġiet attivata l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia u li wassal biex inqabdu l-persuni li issa jinsabu jservu bejniethom 150 sena habs.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet din il-ġimgħa, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar dan id-dettal li ma kienx magħruf qabel.
Ikkuntattjat minn IT-TORĊA, Dr Muscat qal li l-awtoritajiet Amerikani dak iż-żmien kienu talbu sabiex ma jingħatawx dettalji tat-teknoloġija li kienet qed tintuża. Issa li għadda l-guri, l-eks Prim Ministru ħass li l-poplu għandu dritt ikun jaf li kien biss minħabba din it-teknoloġija li saru l-ewwel arresti li kienu kruċjali.
Meta kien qed jitkellem waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Joseph Muscat qal li kien ċar li l-grupp kriminali li esegwixxa d-delitt kienu kunfidenti li ma jinqabdux għax użaw l-istess sistema li ntużat f’numru ta’ bombi li saru fil-passat u li min għamilhom qatt ma nqabad.
Il-fatt li l-Gvern ikkunsidra dan l-assassinju l-ekwivalenti ta’ attentat terroristiku, u t-talba immedjata tal-Prim Ministru ta’ dak inhar lill-Gvern Amerikan permezz ta’ Mark Schapiro li kien imexxi l-Ambaxxata Amerikana biex jibagħtu għajnuna bil-mezzi tagħhom, kienet li wasslet biex jiġu arrestati u kkundannati l-eżekuturi.
Il-Gvern Amerikan wieġeb fi ftit ħin li l-ewwel skwadra mill-FBI kienet se tasal Malta fi 48 siegħa. Is-sehem tal-FBI ma kienx li jżomm idejn il-Pulizija Maltija jew jgħidulhom x’ kellhom jagħmlu. Iżda minflok bagħtu teknoloġija avvanzata li ftit hawn fid-dinja u li ġiet operata mill-Amerikani stess.
IT-TORĊA tista’ tiżvela li l-iskwadra Amerikana għamlet jiem iddur metru b’metru l-post fejn ħadet il-bomba u l-post minn fejn kienet qed tiġi mgħassa Daphne Caruana Galizia. Minn hemm traċċaw il-mobile phones li kien qed juża l-Koħħu. Fejn dan il-post kienu instabu il-loqom tas-sigaretti bid-DNA ta’ Vince Muscat il-Koħħu. Dan kien jikkonċidi mal-inħawi fejn kien hemm xhud li ra karozza fil-jiem ta’ qabel.
L-apparat tgħabba wkoll fuq patrol boat tal-Forzi Armati li identifikat il-post barra l-Port il-Kbir minn fejn George Degiorgio attiva l-bomba wara li l-Koħħu għamillu sinjal b’mobile phone ieħor. Kien bl-identifikazzjoni tal-post minn fejn ġiet attivata l-bomba li ġie ntraċċat il-filmat ta’ sorveljanza li juri lil Degiorgio bl-ispeed boat ħiereġ u dieħel fil-Port il-Kbir.
Esperti Maltin ikkonkludew li l-bomba li ntużat biex inqatlet Caruana Galizia kienet l-istess bħal żewġ bombi oħra li kienu saru fl-Imsida u l-Għargħur, u għalhekk anki dawn il-każijiet jistgħu jiġu solvuti.
L-eks Prim Ministru qal li jinsab imweġġa li UffiĊjal fil-Korp tal-Pulizija Ħalla lilu nnifsu jintuŻa politikament meta qal li kien hu li sejjaħ lil FBI permezz ta’ email. Dr Muscat qal li hu ma jafx x’għamel dan l-uffiċjal u ħadd ma waqqfu, iżda wieħed jista’ jikkonferma mas-sur Schapiro dwar il-komunikazzjoni mmedjata li saret mal-Gvern Amerikan.

