€180 BILJUN F’DANNI DAN IS-SAJF MILL-BIDLA FIL-KLIMA FL-EWROPA

Aqra wkoll

Sa ammont ta’ snin ilu u anki llum hawn min jargumenta li l-klima dejjem inbidlet b’mod naturali. Hemm min jargumenta li dan hu proċess naturali. Argumenti dwar dan hemm diversi.  Għal dawk li jiċħdu l-fenomenu tal-bidla fil-klima, l-aħħar xhur b’mod partikolari dan is-sajf, kienu eżempju ċar ta’ dak li qiegħed jiġri u kif il-klima qiegħda tinbidel.  Hu fatt li t-tisħin attwali qed iseħħ b’veloċità u xejra li ma jistgħux jiġu spjegati biss minn fatturi naturali. Irridu ngħidu li s-sħana, in-nixfa u n-nirien li seħħew u li laqtu lil għadd ta’ pajjiżi ma jfissirx li kollha kienu kkawżati direttament mit-tibdil fil-klima. Li hu żgur iżda li klima aktar sħuna tagħmel ċerti estremi aktar probabbli u aktar intensi. Filfatt ix-xahar ta’ Awwissu ta’ din is-sena  kien l-aktar Awwissu sħun li qatt ġie rreġistrat globalment, b’temperatura medja globali ta’ 16.96°C, jew 1.65°C ’il fuq mil-livell preindustrijali. 

Dawn it-temperaturi ġabu effetti negattivi fosthom nixfiet u nirien. Id-danni minn dawn it-temperaturi għoljin u anke minn maltemp estrem li ġie kkawżat fl-eqqel tas-sajf f’xi pajjiżi fosthom fl-Ewropa, huma sostanzjali.

Filfatt rapport  li nħareġ minn Triodos Bank jistma li s-sħana estrema, in-nixfa u n-nirien li laqtu l-Ewropa fis-sajf tas-sena 2026 jistgħu jiswew lill-ekonomija tal-Unjoni Ewropea madwar €180 biljun. Dan hu ekwivalenti għal madwar 1 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross tal-Unjoni Ewropea.

It-temperaturi għoljin u s-sħana tremenda twassal għal produttività aktar baxxa tal-ħaddiema. Tikkawża nixfiet u ħsarat fl-agrikoltura  u dan iwassal għal tnaqqis fil-produzzjoni u prezzijiet tal-ikel ogħla. Jinħolqu problemi fl-enerġija fejn anki hawn ikun hemm prezzijiet ogħla. Dan apparti n-nirien.

  • Il-€180 biljun huma kważi daqs it-tkabbir ekonomiku kollu li l-Unjoni Ewropea kienet mistennija tikseb għal din is-sena.
  • Dan hu dannu kbir. Din hi spiża qawwija li finalment se tispiċċa tonqos minn bandi oħra biex titratta id-dannu tal-bidla fil-klima.  Illum hu ċar ħafna li l-bidla fil-klima mhux biss qed taffettwa t-temp u s-saħħa tan-nies, iżda qed tolqot direttament il-but tal-ekonomija Ewropea.
  • U ovvjament meta naraw dak li għaddejna minnu, il-mistoqsija li tqum hi dik ta’ qegħdin nagħmlu biżżejjed biex il-bidla fil-klima ma tkomplix tiggrava. Ir-risposta hi ċara li mhux isir biżżejjed. Il-pajjiżi kbar madwar jistgħu jagħmlu ħafna aktar milli qegħdin jagħmlu.
  • Għandna pajjiżi bħall-iStati Uniti li minkejja dawn l-effetti qegħdin jibqgħu jibqgħu jimbuttaw ‘lquddiem l-aġenda ta’ korporazzjonijiet kbar imdaħħlin fin-negozju tal-fjuwils, liema korporazzjonijiet qegħdin jirrappurtaw profitti rekord.
  • Spiss bħala konsumaturi naħsbu u naġixxu billi nħallu f’idejn il-politiċi biex jitrattaw il-bidla fil-klima. Dan hu żbaljat. Aħna bħala ċittadini u konsumaturi, irridu nagħtu is-sehem tagħna. Sehem żgħir veru. Imma sehem li meta jinġabar f’salt iħalli effett. 
  • Nemmnu li għandna nkunu aħna l-konsumaturi li nibdew nagħmlu l-parti tagħna. Ma nistgħux nippuntaw swaba biss lejn gvernijiet jew korporazzjonijiet kbar u aħna nibqgħu gallarija. Irridu aħna nibdew nagħmlu l-parti tagħna.  Nibdew minna fid-djar tagħna. Kemm noqogħdu attenti biex per eżempju niffrankaw l-enerġija. Innaqqsu l-konsum tad-dawl. Innaqqsu l-ħela ta’ ilma.  Nużaw transport alternattiv.  Ma naħlux ikel, għax dan ukoll joħloq pressjoni fuq l-ambjent tagħna. 
  • Ejja nagħmlu l-mistoqsijiet lilna nfusna. Kemm tuża l-karozza tiegħek? Kemm tuża it-trasport pubbliku? Hu minnu li għal kull ħaġa ta’ xejn trid tistartja l-karozza? Kemm qiegħed tkun ekonomiku fil-konsum tal-enerġija? Kemm naraw min jaħsel u jaħli ilma barra f’pajjiżna, meta nafu kemm għandna nuqqas ta’ ilma u xi spiża tiġi biex nikkonvertu l-ilma baħar f’ilma tajjeb għal konsum?  
  • Il-mistoqsija li tqum hi se nibqgħu mexjin f’din it-triq? L-Unjoni Ewropea trid tagħmel ferm u ferm iżjed.  Se nibqgħu nbaxxu rasna għall-politika tal-Istati Uniti u tal-kumpaniji multi nazzjonali? L-isforz biex tiġi miġġielda l-bidla fil-klima irid ikun wieħed kollettiv. Ma nistgħux nibqgħu nipposponu d-deċiżjonijiet. Ma nistgħux nibqgħu nieħdu deċiżjonijiet dgħajfin sforz pressjonijiet li jsiru. Il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima illum xegħlitilna bozza ħamra. Aktar dewmien u tkaxkir tas-saqajn, tfisser biss diżastri u kriżijiet ġodda fix-xhur u snin li ġejjin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport