Il-coach tat-team nazzjonali Malti, Emilio De Leo, u l-goalkeeper, Henry Bonello, indirizzaw lill-midja s-Sibt, lejlet l-aħħar partita ta’ Malta f’din il-waqfa internazzjonali, li se tintlagħab il-Ħadd kontra Andorra fl-Istadium Nazzjonali.
Bħalissa Malta tinsab fil-quċċata tal-grupp b’erba’ punti, segwita minn Ġibiltà b’żewġ punti u Andorra b’punt wieħed.
De Leo qal li għadu kmieni wisq biex jiġi determinat eżattament liema players se jkunu disponibbli għall-partita, peress li t-taħriġ tal-Ġimgħa kien iffukat kollu kemm hu fuq l-irkupru.
“Kellna sessjoni ta’ rkupru b’madwar nofs it-team u għalhekk f’dan il-mument ma nistax ngħid verament min se jkun disponibbli u min le. Se naraw illejla, flimkien mal-istaff tiegħi, u mbagħad ikollna stampa aktar ċara.”
Il-coach stqarr li d-draw ta’ nhar il-Ħamis kontra Ġibiltà kien diżappuntanti, iżda saħaq li t-team diġà analizza l-prestazzjoni u identifika l-oqsma li jridu jitjiebu.
“Kien draw diżappuntanti. Diġà rajna x’nistgħu nbiddlu u l-iżbalji li kkommettejna. Kellna prestazzjoni tajba, iżda ma esprimejniex ruħna biżżejjed. Konna wisq ċiniċi u ma konniex konkreti biżżejjed.”
De Leo enfasizza l-ħtieġa għal aktar kuraġġ u determinazzjoni fl-aħħar terz tal-ground.
“Irridu naraw l-ispazji, nieħdu r-riskji, nirbħu s-sitwazzjonijiet wieħed kontra wieħed u nagħmlu l-aħħar pass. Irridu nimlew iż-żona u jkollna d-determinazzjoni meħtieġa. Ħloqna l-opportunitajiet, iżda ma konniex tajbin biżżejjed biex nispiċċawhom f’goals.”
Mistoqsi jekk Ġibiltà ssorprendewhx bil-prestazzjoni tagħhom, De Leo qal li dan ma kienx il-każ.
“Ma ssorprendewniex. Kull team jipprova jagħtik partita tajba. Irridu nkunu aktar b’saħħitna meta nirkupraw il-ballun, b’saħħitna f’kull sens, inpoġġu l-kwalitajiet tagħna fil-ground u niddominaw il-partita minflok sempliċement nittamaw li kollox imur sew.”
De Leo qal ukoll li ma kellu l-ebda dispjaċir dwar id-deċiżjonijiet li ħa waqt il-partita kontra Ġibiltà.
“Ma nħobbx niġġudika d-deċiżjonijiet wara l-partita. Hemm differenza bejn tieħu deċiżjonijiet waqt il-logħba u mbagħad tħares lejhom issa. Ovvjament, irriflettejt u nikkritika lili nnifsi; nagħmel dan il-ħin kollu. Żgur li kellna nkunu aktar inċiżivi.”
Id-draw kontra Ġibiltà kien diffiċli biex jiġi aċċettat, iżda De Leo qal li din l-esperjenza tista’ sservi wkoll bħala opportunità biex it-team ikompli jikber.
“Analizzajna l-iżbalji tagħna u sofrejna l-goal (li kien auto-goal) li ma kienx jistħoqqilna. Iżda dawn huma mumenti li jgħinuna nikbru. Irridu nitgħallmu minnhom.”
Bonello żied jgħid li l-frustrazzjoni minħabba li ma rebħux affettwat lill-iskwadra kollha, filwaqt li insista li Malta trid tibqa’ ffukata u umli qabel il-partita tal-Ħadd.
“Ħaġa li verament taffettwa lit-team hija l-frustrazzjoni talli ma rbaħniex. B’idejna fuq qalbna, nafu li aħna team aħjar u li fil-parti l-kbira tal-konfronti diretti ħriġna rebbieħa. Iżda rridu nibqgħu b’saqajna mal-art. Kull partita għandha l-istorja tagħha u rridu nagħmlu dak kollu possibbli biex nirbħuha.”
B’Malta, Ġibiltà u Andorra kollha għadhom fil-ġlieda għall-ewwel post, l-aħħar partita ta’ din il-waqfa internazzjonali tal-Ħadd mistennija tkun test ieħor importanti għat-team nazzjonali.



