Is-Segretarjat Parlamentari responsabbli għall-Ħarsien tal-Annimali organizza b’suċċess is-sitt edizzjoni tal-Animal Honours Awards, inizjattiva li tagħti rikonoxximent lil dawk li, permezz tal-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom, jagħtu kontribut siewi favur il-ħarsien, il-benesseri u d-drittijiet tal-annimali f’Malta.
L-Animal Honours Awards immarkaw ukoll il-qofol tal-Malta Animal Awareness Week, ġimgħa ddedikata biex tagħti aktar viżibbiltà lill-ħidma li titwettaq matul is-sena kollha fil-qasam tal-ħarsien u l-benesseri tal-annimali.
Din is-sena, l-Animal Honours Awards kienu jinkludu ħames kategoriji, li permezz tagħhom ingħata ġieħ lil individwi, professjonisti, organizzazzjonijiet u annimali li spikkaw għall-kontribut tagħhom f’dan il-qasam.
Matul iċ-ċerimonja ġew ippremjati r-rebbieħa tal-ħames kategoriji, wara proċess ta’ nominazzjonijiet li ta opportunità lill-pubbliku sabiex jagħti rikonoxximent lil dawk li jagħmlu differenza fil-ħajja tal-annimali u fil-promozzjoni ta’ trattament xieraq u responsabbli tagħhom.
L-Animal Honours Awards, li din is-sena waslu fis-sitt edizzjoni tagħhom, komplew isaħħu l-għan li tingħata aktar viżibbiltà lill-ħidma li titwettaq ta’ kuljum minn dawk kollha involuti fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali. L-inizjattiva sservi wkoll sabiex tkompli tqajjem kuxjenza dwar ir-responsabbiltà kollettiva lejn il-benesseri tal-annimali u l-importanza ta’ kultura mibnija fuq ir-rispett u l-kompassjoni.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Ħarsien tal-Annimali Alicia Bugeja Said qalet li din l-inizjattiva hija opportunità importanti sabiex jingħata rikonoxximent lil dawk li jagħtu sehem konkret favur l-annimali.
“L-Animal Honours Awards jagħtuna l-opportunità li nirrikonoxxu u nirringrazzjaw lil dawk li ta’ kuljum jagħtu ħinhom, l-enerġija tagħhom u l-esperjenza tagħhom għall-ġid tal-annimali. Din is-sitt edizzjoni, permezz tal-ħames kategoriji tagħha, tkompli turi kemm hawn impenn fis-soċjetà tagħna favur aktar responsabbiltà, rispett u kompassjoni lejn l-annimali. Nifraħ lir-rebbieħa, lin-nominati u lil dawk kollha li bil-ħidma tagħhom qed jagħmlu differenza,” temmet tgħid is-segretarju parlamentari.
Il-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali Elliot Magroqal li inizjattivi bħal dawn jgħinu sabiex il-benesseri tal-annimali jibqa’ fuq quddiem nett tal-aġenda pubblika. “Li nirrikonoxxu l-eżempji pożittivi fis-soċjetà huwa parti importanti mill-bidla kulturali li rridu nkomplu naraw fejn jidħol it-trattament tal-annimali. Dawn il-premjijiet mhux biss jiċċelebraw il-ħidma tajba li qed issir, iżda jfakkruna wkoll fir-responsabbiltà li għandna lkoll li nħarsu d-dinjità, il-benesseri u d-drittijiet tal-annimali. Nifraħ lil dawk kollha li ġew nominati u rikonoxxuti matul din l-edizzjoni,” qal il-Kummissarju.
Id-Direttur fid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali Dennis Sciberras qal li l-premjijiet huma wkoll mezz sabiex tiġi enfasizzata l-ħidma kontinwa li ssir minn professjonisti, voluntiera u organizzazzjonijiet fil-qasam. “Wara kull nominazzjoni hemm storja ta’ impenn u dedikazzjoni lejn il-benesseri tal-annimali. L-Animal Honours Awards jgħinuna nagħtu viżibbiltà lil din il-ħidma u, fl-istess waqt, inħeġġu aktar nies sabiex jagħrfu r-rwol li kull wieħed u waħda minna għandu fil-ħarsien tal-annimali. Dan ir-rikonoxximent huwa importanti biex inkomplu nsaħħu standards ogħla ta’ kura u responsabbiltà,” qal id-Direttur.
Is-sitt edizzjoni tal-Animal Honours Awards kompliet tibni fuq is-suċċess tal-edizzjonijiet preċedenti, filwaqt li saħħet il-messaġġ favur soċjetà aktar responsabbli u sensittiva lejn il-ħtiġijiet u l-benesseri tal-annimali.
Ir-rebbieħa tas-sitt edizzjoni tal-Animal Honours Awards kienu:
Sanctuary Excellence Award – MSPCA
Volunteer of the Year Award – Maria Attard
Second Chance Companion Award – Fonzu
Pet-Friendly Business Award – Gian Paul Bongailas – Rabbit Groomer
People’s Choice Award for Contribution to the Animal Welfare Sector – Gian Paul Bongailas
Matul is-serata ġew ippreżentati wkoll 3 awards speċjali għall-ħidma favur il-ħarsien tal-annimali lil Romina Frendo, Alison Bezzina u James Ryder.
