Saturday, November 30, 2024

Il-Mobbiltà għandha dejjem tħares ir-realtajiet lokali

Josianne Cutajar
Josianne Cutajar
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Miktub mill-MEP Josianne Cutajar

Spiss nisimgħu li l-konnettivita` u l-mobbilta` huma neċessarji. Dan il-messaġġ jien mhux biss nifhmu imma ngħixu kważi kuljum. Ngħid għalija, bħala Membru Parlamentari Ewropew li ġejja minn Għawdex u li naħdem ukoll f’Malta u fi Brussell, li nivvjaġġa ta’ spiss, b’mezzi differenti ta’ trasport hija komuni ħafna. Ma nkun qed ngħid xejn ġdid allura meta ngħid li l-mobbilta’ hija xi ħaġa li nesperjenzaha kontinwament u li nifhimha sew. 

Filwaqt li ċertament nirrikonoxxi l-importanza tal-mobbilta`, fil-Parlament Ewropew dejjem sħaqt li rridu niftakru fil-kwalitajiet speċifiċi ta’ pajjiżi diversi meta nindirizzaw ċertu kwistjonijiet. Fil-ħidma li ssir, l-istituzzjonijiet Ewropej ma jistgħux iqisu biss l-Ewropa kontinentali, imma jridu jżommu wkoll is-sitwazzjoni ta’ gżejjer bħal Malta u Għawdex f’moħħhom. F’dan ir-rigward, is-sena li għaddiet kellna kwistjoni li qasmet lill-Ewropa min-nofs, liema kwistjoni hija l-pakkett ta’ mobbilta` relatat mat-trasport tal-merkanzija li fl-opinjoni tiegħi qed jimbotta l-interessi tal-kontinent askapitu tal-gżejjer. Intant ftit ġranet ilu, kont waħda minn fost 68 Membri Parlamentari Ewropej li ffirmajt ittra mibgħuta lill-Kummissjoni Ewropea li tagħmilha ċara li le, m’aħniex kuntenti bill-pakkett ta’ mobbilta’ kif inhu bħalissa.

Dan għaliex f’dan il-pakkett hemm miżura li tgħid li trakkijiet ta’ kumpaniji f’ċertu stati, iridu jmorru lura f’dak l-istat partikolari kull 8 ġimgħat. Din il-miżura, li ma kinitx fil-pjan oriġinali tal-Kummissjoni, kif jinsabu l-affarijiet ser tkun qed titfa’ piż żejjed fuq in-negozji u l-konsumaturi fi gżejjer bħal Malta. 

Fl-aħħar nett, din il-miżura ser tfisser aktar spejjeż li fl-aħħar mill-aħħar ser inbatuhom aħna minħabba li biex jiġu Malta bil-merkanzija ta’ diversi prodotti impurtati, trakkijiet Maltin iridu jiġu bil-vapuri, u għaldaqstant ir-regola l-ġdida tfisser aktar vjaġġi li jiswew aktar flus. Biex tkompli tgħaxxaq, din il-miżura ser iżżid ukoll l-emmissjonijiet skont l-Impact Assesment tal-istess Kummissjoni Ewropea – xi ħaġa li nistgħu ngħidu li kienet ovvja mill-bidunett meta tikkunsidra ż-żieda fl-ivvaġġjar żejjed u bla bżonn li ser iġib miegħu dan il-pakkett.

Kont jiena li sena ilu pproponejt emendi għal dan il-pakkett li kuntenta ngħid ġew appoġġjati wkoll mill-Membri Parlamentari kollha Maltin miż-żewġ partiti. Bħala rappreżentanta tal-poplu Malti u Għawdxi ser inkompli naħdem u nagħmel pressjoni, bħalma erġajt għamilt il-ġimgħa li għaddiet, biex il-liġijiet Ewropej ikunu verament ġusti u jqisu ċ-ċirkostanzi u r-realtajiet ta’ gżejjer bħal tagħna. Sadanittant, il-ħidma tkompli.

 www.josiannecutajar.com

Sport