Saturday, December 21, 2024

“Il-moviment li wellidna flimkien mhux biss għadu ħaj, iżda hu aktar b’saħħtu minn qatt qabel”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li welled il-Moviment Laburista li fl-aħħar sigħat rajnieh jagħmel rebħa oħra konvinċenti b’distakk sostanzjali, f’kumment li ta lil Talk.mt qalina li “l-Moviment li wellidna flimkien mhux biss għadu ħaj iżda hu aktar b’ saħħtu minn qatt qabel.  Dak li għamilna mhux xi ħaġa ta’ konvenjenza politika iżda proġett politiku, soċjali u ekonomiku li bidel lil Malta u se jkompli jibdilha.”

Joseph Muscat fil-kummenti tiegħu qalilna li “huwa ċar ukoll li n-negattività, li erġajna konna suġġetti għaliha, hija rrifjutata mill-poplu.”

Enfasizza “l-Partit Laburista xorta irid idur dawra madwaru u janalizza r-raġunijiet tal-ammont bla preċedent ta’ nies li għażlu li ma jivvutawx.  M’għandux joqgħod fuq l-analiżi superfiċjali mmens ta’ uħud mill-mezzi tax-xandir li m’għandhomx idea ta’ dak li veru jaħsbu n-nies.”

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara ma’ Talk.mt li ‘minn naħa l-oħra m’għandix pariri x’nagħti lill-Partit Nazzjonalista u ma naħsibx iriduhom mingħandi.  Nagħti biss fatti storiċi.  L-aħħar darba li l-PN ġab l-appoġġ tal-maġġoranza assoluta għal programm ta’ Gvern tiegħu f’ċirkustanzi normali kien fl-1992.  L-elezzjoni tal-1998 kienet prematura fi sfond ta’ kriżi filwaqt li tal-2003 kienet deċiżjoni dwar l-Unjoni Ewropea.  Fl-2008 kien hemm biss maġġoranza relattiva ta’ inqas minn siġġu.  Mill-2009 lil hawn, il-Partit Laburista konsistentement ġab l-appoġġ ta’ madwar 55 fil-mija tal-poplu u l-PN madwar 43 fil-mija.”

Saħaq li “jekk il-PN se jkomplu bl-istess riċetta, l-istess brodu se jagħmlu.  Din ma tkunx aħbar tajba għal pajjiż li għandu bżonn dibattitu serju ta’ alternattiva politika. Min-naħa tiegħu, il-Gvern irid ikun umli u ħadd ma għandu tikbirlu rasu.  Iż-żmien li ġej se jkun mimli sfidi kbar u se jkun hemm bżonn l-għaqda, ħila u kuraġġ.  Jekk isir hekk, il-futur ikun sabiħ.”

Ekonomija

Sport