Friday, November 22, 2024

Il-MPE Agius Saliba jitlob lill-KE biex tfassal programm tal-UE għall-assistenza u l-appoġġ għas-superstiti ta’ Thalidomide

Aqra wkoll

Għalkemm in-numru eżatt ta’ superstiti ta’ Thalidomide f’Malta mhux magħruf, l-Assoċjazzjoni Maltija tat-Thalidomide (Stand Up for Thalidomide Malta) tistma li hemm madwar 30 sa 40 superstiti li jgħixu b’diżabilità relatati direttament mal-effetti tal-istess droga f’Malta. Dawn is-superstiti, għall-kuntrarju tas-superstiti Ġermaniżi u tar-Renju Unit, qatt ma ġew ikkumpensati għan-negliġenza serja tal-manifattur Ġermaniż u anke tal-Awtoritajiet Brittaniċi li minkejja projbizzjoni internazzjonali naqsu milli jaġixxu kif xieraq u jipprojbixxu d-droga minn Malta bejn l-1961 u l-1968. Dan wassal għal mijiet ta’ korrimenti (feti prematuri li ġew deskritti bħala trabi tal-kanċer) u tfal li twieldu b’deformitajiet f’Malta matul l-istess perjodu.

Il-MPE Agius Saliba qal li wara 60 sena mit-traġedja li laqtet lil Malta, l-Ewropa u d-dinja bit-tqegħid fis-suq tad-droga Thalidomide, l-effetti fuq is-superstiti għadhom predominanti. Huwa nnota li r-responsabbiltà għal din it-traġedja umana ġiet merfugħa b’mod parzjali biss u sal-lum, eluf ta’ superstiti ta’ Thalidomide madwar l-Ewropa għadhom qed jiffaċċjaw ħafna diffikultajiet.

Barra minn hekk, il-MPE Agius Saliba kkummenta li minkejja l-mozzjoni għal riżoluzzjoni li ġiet ivvutata mill-Parlament Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2016, il-progress fir-rigward tal-kumpens għall-vittmi kien limitat ħafna. Kemm Chemie Grunenthal GmbH kif ukoll il-Gvern Federali Ġermaniż li interferixxa fil-proċedimenti kriminali kontra l-istess kumpanija, kif ukoll l-Istati Membri inkwistjoni, għandhom flimkien jerfgħu r-responsabbiltà f’dak li għandu x’jaqsam mal-kumpens għas-superstiti. 

“Wieħed irid iżomm f’moħħu li ħafna superstiti madwar l-Ewropa ma jistgħux iħallsu għall-finanzjament biex ikopru l-ispejjeż tas-servizzi soċjali. Dan huwa wieħed mill-akbar tħassib tas-superstiti tat-Thalidomide li llum jinsabu fil-ħamsin u s-sittin sena tagħhom peress li dawk li jieħdu ħsiebhom, li ħafna drabi huma membri tal-familja tagħhom, ma jistgħux ikomplu jagħmlu dan minħabba mard, xjuħija jew mewt,” kompla l-MPE Agius Saliba. 

Il-MPE tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba qal li huwa talab lill-Kummissjoni Ewropea biex taġixxi u tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2016 dwar l-appoġġ għas-superstiti ta’ Thalidomide u biex tistabbilixxi protokoll qafas fil-livell Ewropew fejn iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea affettwati mit-Thalidomide jirċievu ammont ta’ kumpens irrispettivament minn liema Stat Membru ġejjin. Barra minn hekk, huwa talab ukoll lill-Kummissjoni biex tfassal programm tal-Unjoni għall-assistenza u l-appoġġ li jinkludi dispożizzjonijiet finanzjarji u ta’ benesseri għall-vittmi ta’ Thalidomide u l-familji tagħhom.

Sport