Friday, April 26, 2024

14-il perit jingħataw il-warrant

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ippreżenta l-warrant lil 14-il perit ġdid.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Borg esprima t-twemmin tiegħu li s-suq jeħtieġ l-innovazzjoni u l-perspettivi ġodda, u ħeġġeġ lill-periti li kienu qed jingħataw il-warrant sabiex ifasslu xogħolhom fuq dawn il-kunċetti.

“Nieħu gost nara aktar nisa li jagħżlu din il-professjoni u għalhekk jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Illum għandna 35% tal-periti li huma nisa li huwa numru tajjeb però se nkomplu naħdmu sabiex inħeġġu aktar nisa jagħżlu din il-professjoni. Dan il-gvern jemmen bi sħiħ fl-importanza ta’ din il-professjoni għaliex tiġi b’responsabbiltà unika; dik li tigwida l-iżvilupp u t-tkabbir tal-pajjiż, speċjalment f’pajjiż progressiv bħalma hi Malta. Il-progress iġib miegħu l-ħtieġa ta’ regolamentazzjoni u għalhekk qed naraw li pajjiżna joffri l-aqwa periti li għandhom fost l-aqwa ħiliet. Kien għalhekk dan il-gvern li kompla tejjeb anke r-regolamentazzjoni tal-Att tal-Periti permezz ta’ emendi li kienu ilhom 14-il sena fuq l-ixkaffa. Il-professjoni tal-perit taħdem id f’id mal-liġi u mal-etika u tabilħaqq li kull perit preżenti hawnhekk huwa mħarreġ sabiex jimplimenta ħidma għaqlija li anke tħares li tissalvagwardja l-ambjent kif ukoll l-iżvilupp ta’ ekonomija ħadra”, qal il-Ministru Ian Borg.

Il-Ministru Borg temm id-diskors tiegħu billi esprima fiduċja fil-periti l-ġodda u tenna li, “Permezz tal-viżjoni u tal-perspettiva tagħhom, li hija waħda friska, se tkun qed iġġedded il-mod tajjeb kif qed jiżviluppa l-pajjiż”.

Sport