Sunday, November 24, 2024

Il-MPE Alex Agius Saliba bi proposti għal aktar ħarsien tad-drittijiet tal-konsumaturi

Aqra wkoll

Waqt laqgħa tal-Kumitat tas-Suq Intern li fiha kien preżenti l-Kummissarju Ewropew responsabbli mid-drittijiet u l-protezzjoni tal-konsumaturi, Didier Reynders, il-MPE Alex Agius Saliba ppreżenta proposti importanti maħsuba biex jindirizzaw problemi rikurrenti ta’ bosta konsumaturi u negozji Ewropej.

L-ewwel proposta li ressaq il-MPE Agius Saliba hija marbuta mal-użu ta’ filtri tal-partikuli tad-diżil (DPF Filters) minn konsumaturi u negozju f’pajjiżi żgħar tal-Unjoni Ewropea, inkluż f’Malta. Din il-proposta hija maħsuba li twassal biex jiġu ffrankati eluf ta’ ewro fi spejjeż li qed jiffaċċjaw is-sidien ta’ karozzi li jaħdmu bid-diżil.

Agius Saliba spjega lill-Kummissarju li dawn il-filtri mhux qed ikollhom l-istess benefiċċji meta użati f’pajjiżi b’distanzi qosra bħal Malta għaliex ma jkollhomx iċ-ċans li jitnaddfu b’mod awtomatiku bħal meta l-karozzi jintużaw f’toroq b’distanzi itwal. Huwa qal li dan qiegħed iwassal għal tnaqqis fl-effiċjenza tal-magni u qed jirriżulta fi spejjeż addizzjonali għas-sidien ta’ dawn il-vetturi li perjodikament ikollhom jidħlu fi spiża biex jibdlu l-filtri.

Wara l-laqgħa Agius Saliba qal: “Ippreżentajt din il-proposta formali lill-Kummissjoni Ewropea biex isir mandatorju li dawn il-filtri fil-karozzi b’magna diżil ikunu jistgħu jinfetħu biex jitnaddfu b’mod regolari, għaliex il-maġġoranza assoluta ta’ dawn il-filtri lanqas biss ikun jistgħu jitnaddfu, u b’hekk il-konsumaturi jkollhom ta’ bilfors jixtru filtri ġodda li jirriżultaw fi spiża regolari ta’ mijiet ta’ ewro. Din il-proposta tieħu kont tas-sitwazzjonijiet ta’ pajjiżi żgħar bħal Malta u tipproteġi l-konsumaturi Maltin minn spejjeż addizzjonali u li bi ftit sens jistgħu jiġu evitati.”

Fl-istess laqgħa, Agius Saliba qajjem ukoll tħassib ieħor marbut mal-liġi Ewropea illi tagħti kumpens lill-konsumaturi f’każ ta’ problemi fi vjaġġi ma’ linji tal-ajru. Huwa saħaq li f’każ ta’ kanċellazzjoni, tibdil f’titjiriet u ttardjar eċċessiv fil-ħinijiet tat-tluq, il-konsumaturi għandhom ikollhom id-dritt għal kumpens sħiħ u mhux jiġu mġiegħla jaċċettaw vawċers.

Għal dan il-għan, il-MPE Laburista appella lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu passi konkreti immedjatament biex tassigura l-ħarsien ta’ miljuni ta’ passiġġiera, b’mod partikolari billi tirrevedi l-qafas leġislattiv tal-Unjoni Ewropea li jipprovdi għal dan il-kumpens sabiex jitnaqqas abbuż minn kumpaniji tal-ajru.

Sport