Monday, May 20, 2024

“Nixtieq li l-gwerra tintemm illum qabel għada … iżda l-attitudni ta’ Putin mhix tħalli prospetti sbieħ”

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

Aqra wkoll

F’intervista ma’ Talk.mt, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li jeħtieġ li r-Russja toħroġ mill-Ukrajna u Putin iħalli lill-Ukreni jgħixu b’mod liberu fil-paċi.

“Bla dubju, nixtieq li l-gwerra tintemm illum qabel għada, imma l-attitudni ta’ Putin mhix waħda li tħalli prospettivi sbieħ. L-Unjoni Ewropea se tibqa’ tappoġġja lill-poplu Ukren li, bi qlubija kbira, qed jiddefendi mhux biss lill-pajjiżhom imma anke l-valuri li tant huma għal qalbna: id-demokrazija, l-libertà,” qalet Metsola. 

Hija semmiet li kienet marret darbtejn l-Ukrajna, – darba fi Kyiv fil-bidu tal-gwerra s-sena li għaddiet u reġgħet marret din is-sena fi Lviv. Qalet li hemm tkun tista’ tara bl-aktar mod ċar x’impatt qed tħalli din il-gwerra.

“Niftakar meta wasalt Kyiv kull ma rajt kienu toroq vojta – baħħ – kulħadd imbeżża’ f’daru, jistenna xi sirena ddoqq. Dan mhux il-mod kif għandu jgħix poplu Ewropew. Għalhekk il-Parlament Ewropew kien minn ta’ quddiem li ta l-appoġġ tiegħu lill-Ukrajna,” tenniet il-President tal-PE.

Mistoqsija kif din il-gwerra qiegħda taffettwa l-Ewropa, Metsola qalet li l-ikbar impatt kien dak ekonomiku. Qalet li l-esportazzjoni ta’ elementi bażiċi għall-ikel bħall-qamħ, kif ukoll il-fatt li ma bqajniex niddependu fuq ir-Russja għall-enerġija kellhom impatt li, sfortunatament, ħassewh ukoll iċ-ċittadini Ewropej.

“Anke f’din iċ-ċirkostanza, il-Parlament Ewropew kien minn ta’ quddiem biex jinsisti li dawn l-isfidi jkunu indirizzati u biex ikun hemm miżuri biżżejjed biex ma jkunux il-familji u n-negozji l-aktar li jkunu impattati. Għaddejna minn xitwa xejn faċli, imma nemmen li bid-deċiżjonijiet li ħadna, speċjalment fil-qasam tal-enerġija, issa sirna aktar indipendenti u ma niddependux minn pajjiżi awtokratiċi għal elementi daqshekk bażiċi.”

Dan il-ġurnal staqsieha wkoll dwar kif tara l-istat tal-Ewropa fil-preżent. Il-President tal-PE qalet: “Ma nistawx ninjoraw il-fatt li l-Ewropa għaddejja minn sfidi mhux żgħar. Il-pandemija u l-gwerra fi żmien daqshekk qasir ġabu pressjoni mhux żgħira – kemm dik mill-lat mediku u ta’ difiża, imma anke mill-aspett ekonomiku.Nemmen li r-rispons tal-Ewropa għal dawn il-kriżijiet kien b’saħħtu. F’ċertu aspetti stajna konna aħjar, imma fl-aħħar mill-aħħar, rajna l-Ewropa tingħaqad u dik hi xi ħaġa li għandna ngħożżuha u nsaħħuha. Irridu nibqgħu nindirizzaw l-isfidi bħala Ewropa magħquda, għaliex fl-aħħar mill-aħħar, dak li jiġri f’pajjiż fit-tramuntana tal-Ewropa jkollu impatt fuqna l-Maltin, u dak li jseħħ fil-pajjiżi tal-Lvant iħalli effett ukoll fuq il-pajjiżi tal-punent. Imbagħad hemm sfidi, bħal dawk ambjentali u l-ħarsien tad-drittijiet, li l-Parlament Ewropew jaħdem fuqhom u jibqa’ jinsisti li jiġu indirizzati fl-interess tal-popli Ewropej.”

“Ma nitkellimx x’jista’ jiġri imma dwar dak li qed nagħmel illum”

Mistoqsija jekk għadx narawha bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista hija wieġbet: “jiena MEP eletta f’isem il-Partit Nazzjonalista u fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se ssir is-sena d-dieħla se nerġa nkun kandidata. Jien ma nitkellimx dwar x’għad u x’jista’ jiġri imma dwar dak li qed nagħmel illum. Jien qed naħdem bl-enerġija kollha tiegħi biex nirrapreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi bl-aħjar mod. Hekk qed nagħmel kemm bħala MEP, kif ukoll President tal-Parlament Ewropew. Din tibqa’ l-prijorità tal-ħidma tiegħi: li nara l-poplu Malti u Għawdxi jimxi ‘l quddiem kif jixraqlu. Jien inħares ‘il quddiem biex mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, naħdmu bi sħiħ lejn il-kampanja elettorali tas-sena d-dieħla biex il-poplu Malti u Għawdxi jagħżel 6 MEPs li jaħdmu lejl u nhar fl-interess tal-Maltin u l-Għawdxin.”

Fl-aħħar nett tlabnieha tgħaddi messaġġ finali lill-poplu Ewropew fosthom dak Malti. “L-Unjoni Ewropea mhix perfetta imma fl-aħħar mill-aħħar hi l-aqwa soluzzjoni. F’mumenti ta’ sfidi bħalma għaddejna u għadna għaddejjin minnhom, inkluż il-pandemija l-Ewropa toħroġ aktar b’saħħitha, tingħaqad u toffri futur aqwa għall-popli tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar, nibqa’ ngħid li s-suċċess tal-Ewropa jkun ibbażat fuq is-suċċess ta’ kull persuna Ewropea, u jien se nibqa’ naħdem biex dak is-suċċess narah f’kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea, b’mod speċjali f’Malta u f’Għawdex!”.

Sport