Sunday, December 22, 2024

Il-MPE Alex Agius Saliba jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tinvestiga l-każ ta’ prattiċi inġusti minn kumpaniji tat-telekomunikazzjoni f’Malta

Aqra wkoll

Il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni f’Malta imponew ħlas ġdid bejn EUR 1 u EUR 2 għall-klijenti li se jkomplu jħallsu l-kontijiet tagħhom fi flus kontanti mingħajr faċilità ta’ debitu dirett billi jinfurmaw lill-klijenti li jekk ma jaqblux maż-żieda fil-prezz, jistgħu jirtiraw mill-kuntratt tagħhom.

“It-tariffa l-ġdida, introdotta simultanjament mill-kumpaniji kollha tat-telekomunikazzjoni, qed tfixkel serjament il-kompetizzjoni fis-suq, tmur kontra d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar is-Servizzi ta’ Ħlas (PSD2), u żżid id-distakk diġitali u d-diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi li m’għandhomx jew għandhom aċċess diġitali jew faċilitajiet ta’ debitu limitati. Din il-prattika se tippenalizza lill-konsumaturi l-aktar vulnerabbli f’Malta, bħall-anzjani, il-persuni b’diżabilità, u ż-żgħażagħ, u tħallihom mingħajr alternattivi jew għażliet kompetittivi b’saħħithom” qal il-MPE Laburista Alex Agius Saliba.

Barra minn hekk, il-MPE Agius Saliba nnuta li l-aċċess għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni sar kruċjali għas-soċjetà u l-ekonomija in ġenerali, u fl-istess ħin sar prekundizzjoni u bażi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika, u l-koeżjoni soċjali u territorjali, u għalhekk, in-nies għandu jkollhom aċċess għal servizzi vitali bħal dawn.

Wara dawn il-prattiki minn kumpaniji tat-telekomunikazzjoni f’Malta, il-MPE Agius Saliba talab lill-Kummissjoni Ewropea tinvestiga jekk il-ħlas il-ġdid introdott mill-kumpaniji kollha tat-telekomunikazzjoni f’Malta b’kollużjoni jammontax għal iffissar illegali tal-prezzijiet, jgħawweġ il-liġi tal-kompetizzjoni, jiksirx id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar is-Servizzi ta’ Ħlas (PSD2), u jagħmilx ħsara lid-drittijiet tal-konsumaturi.

Barra minn hekk, fl-istqarrija tiegħu, il-MPE Agius Saliba staqsa lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-azzjonijiet li biħsiebha tieħu sabiex tiżgura li d-drittijiet tal-konsumaturi jiġu salvagwardjati u li jkomplu jkollhom azzjonijiet kompetittivi, trasparenti u mhux diskriminatorji għas-servizzi essenzjali tat-telekomunikazzjoni.

Ekonomija

Sport