Saturday, September 14, 2024

Il-MPE Alex Agius Saliba nnominat għall-MEP Awards 2022

Aqra wkoll

Nhar it-Tlieta 8 ta’ Marzu 2022, The Parliament Magazine ħabbar li l-MPE Alex Agius Saliba ġie nnominat għall-MEP Awards 2022. Agius Saliba huwa l-unika MPE Malti nnominat f’din l-edizzjoni tal-MEP Awards organizzata min The Parliament Magazine, bil-kollaborazzjoni ta’ EuroNews. Huwa ġie magħżul flimkien ma’ tliet Membri Parlamentari Ewropej oħra għall-Premju marbut mas-Saħħa u l-Benesseri. 

Din in-nomina hija r-riżultat ta’ serje ta’ kompiti li ġie fdat bihom fil-Parlament, u l-ħidma tiegħu fuq ħafna inizjattivi importanti relatati mas-Saħħa u l-Benesseri, bħad-Dritt għall-Iskonnettjar u kundizzjonijiet aħjar tat-telexogħol għall-ħaddiema kollha, ħidma relatata mal-aċċess għall-mediċini, u kif ukoll ħidma favur opportunitajiet indaqs għall-persuni b’diżabilità. 

Bħala l-Ko-President tal-Intergrupp dwar is-Saħħa Mentali, il-MPE Agius Saliba kontinwament jippromwovi l-importanza tas-saħħa mentali u l-benesseri għal kulħadd. Huwa wkoll wieħed mill-kofundaturi ta’ grupp iffurmat minn Membri ġejjin minn gruppi politiċi differenti dwar il-kannabis mediċinali, li qiegħed jaħdem favur sistema li tipprioritizza l-benesseri tal-pazjenti u d-drittijiet tal-konsumatur, jiġġieled kontra l-istigma u fl-istess ħin jaħdem favur aċċess ġust għall-kannabis mediċinali fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. 

“Ninsab grat ħafna talli rċevejt vot ieħor ta’ appoġġ fil-Parlament Ewropew. Hija sorpriża sabiħa ħafna u tassew unur li ġejt magħżul għal dan il-premju. Unur li xogħli qed jiġi apprezzat. In-nomina nnifisha diġà hija rikonoxximent kbir tal-ħidma tiegħi u irrispettivament mir-riżultat, se nkompli naħdem bla heda biex niżgura li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. Din hija l-Ewropa soċjali li nemmnu fiha u li qed naħdmu għaliha bħala Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi,” qal il-MPE Agius Saliba. 

Din hija t-tieni nomina tiegħu f’inqas minn tliet snin li ilu jservi fil-Parlament Ewropew, dan wara li kien ġie nnominat ukoll għall-premju għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur fl-2020. Agius Saliba rċieva wkoll diversi rikonoxximenti oħra matul it-terminu tiegħu, l-aħħar wieħed kien dak tal-ġurnal Politico f’Jannar 2022, li kien poġġih fis-sezzjoni tal-People To Watch fil-qasam diġitali għas-sena 2022, minħabba l-kontribut importanti tiegħu fis-settur.  

Din in-nomina hija xhieda tal-ħidma u l-impenn tal-MPE Agius Saliba biex jisalvagwardja d-drittijiet u l-benesseri tal-ħaddiema Ewropej kollha, speċjalment fid-dawl tal-isfidi kontemporanji li qed toffri d-dinja diġitali l-ġdida wara l-pandemija tal-COVID-19.

Ekonomija

Sport