Id-delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew, Alex Agius Saliba, Daniel Attard u Thomas Bajada, jilqgħu b’sodisfazzjon il-vot tal-lum li japprova l-allokazzjoni ta’ €3.7m mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea sabiex jittaffa l-piż tal-ħsara li ħalliet il-maltempata Harry f’Jannar 2026.
Il-maltempata kkawżat ħsarat estensivi madwar Malta u Għawdex, u ħalliet impatt fuq l-infrastruttura pubblika, id-djar, in-negozji u l-għajxien ta’ dawk milquta. L-għajnuna finanzjarja li se tingħata se tgħin sabiex tissewwa l-ħsara li saret u hija eżempju konkret ta’ solidarjetà Ewropea.
Fl-immedjat wara l-maltempata, il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba, Kap tad-delegazzjoni tal-Partit Laburista u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, kiteb lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u lill-Kummissarju Raffaele Fitto, fejn talab għal azzjoni Ewropea urġenti u l-użu ta’ għajnuna finanzjarja għall-komunitajiet milquta. Id-delegazzjoni tal-Partit Laburista tirrikonoxxi wkoll l-isforzi tal-Gvern Malti biex jassigura li tingħata din l-għajnuna u jara li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ dawk milquta.
Fi stqarrija konġunta, il-MPE tal-Partit Laburista saħqu: “Is-solidarjetà Ewropea trid issarraf lil hinn minn kliem ta’ faraġ, u trid tgħin b’mod tanġibbli liċ-ċittadini tagħna li l-iktar jeħtiġuha. Il-vot tal-lum jibgħat messaġġ ċar li Malta u Għawdex mhumiex waħedhom biex jiffaċċjaw il-konsegwenzi ta’ avvenimenti estremi. Se nkomplu naħdmu flimkien biex niddefendu l-interessi ta’ Malta, niżguraw appoġġ xieraq għas-soċjetà tagħna u naraw li s-solidarjetà Ewropea tissarraf f’għajnuna vera għall-familji Maltin u Għawdxin.”
