Tliet proġetti infrastrutturali ewlenin li se jsaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’diversi lokalitajiet madwar Malta ġew inawgurati fin-Naxxar, fis-Siġġiewi u fl-Imsida, b’investiment ta’ €40 miljun kofinanzjat minn fondi Ewropej.
Dawn il-proġetti, imwettqa minn Enemalta, huma parti mill-programm ta’ investiment tal-Gvern biex jimmodernizza u jsaħħaħ in-network nazzjonali tal-elettriku, u jagħmlu aktar reżiljenti.

B’kollox, huwa stmat li minn dawn it-tliet proġetti se jibbenefikaw madwar 33,000 familja u negozju f’11 il-lokalità, permezz ta’ infrastruttura aktar b’saħħitha, kapaċità akbar ta’ distribuzzjoni u aktar flessibbiltà fl-operat tan-network.
L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli, il-Ministru għall-Fondi Ewropej Keith Azzopardi Tanti, u ċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Enemalta Ryan Fava, fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali tan-Naxxar, tas-Siġġiewi u tal-Imsida.
Fin-Naxxar, sar investiment f’ċentru tad-distribuzzjoni ġdid, b’żewġ transformers u kapaċità totali ta’ 60MVA. Dan se jsaħħaħ il-provvista tal-elettriku għal madwar 12,000 konsumatur fin-Naxxar, Ħal Għargħur u Burmarrad, filwaqt li jnaqqas il-pressjoni fuq iċ-ċentru tal-Mosta.
Fis-Siġġiewi, sar ċentru tad-distribuzzjoni ġdid b’kapaċità ta’ 60MVA, flimkien ma’ madwar 70 kilometru ta’ cables ta’ vultaġġ medju. Dan se jsaħħaħ il-provvista għal madwar 12,000 konsumatur fis-Siġġiewi, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi.
Fl-Imsida, investiment wassal biex il-kapaċità taċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġiet irduppjata minn 30MVA għal 60MVA, permezz tal-installazzjoni ta’ żewġ transformers ġodda li ħadu post żewġ transformers ta’ kapaċità iżgħar. Dan it-tisħiħ se jtejjeb l-affidabbiltà tal-provvista tal-elettriku lill-Isptar Mater Dei, l-Università ta’ Malta u ż-żoni residenzjali tal-madwar.
Investiment li jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies
Il-Ministru Miriam Dalli saħqet li dawn l-investimenti huma parti minn ħidma kontinwa biex pajjiżna jkollu sistema tal-elettriku b’saħħitha għal-llum u għall-futur. “Meta nitkellmu dwar investiment fl-infrastruttura tal-elettriku, qed nitkellmu dwar servizz essenzjali li fuqu jiddependu l-familji u n-negozji tagħna. In-nies iridu jserrħu rashom li jkollhom provvista tal-elettriku affidabbli. U għalhekk li qed inkomplu ninvestu bla preċedent biex insaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna,” qalet il-Ministru Dalli.

“Naf li d-domanda għall-elettriku qed tikber, u nafu wkoll li l-familji u n-negozji jistennew servizz tajjeb. Għalhekk qed ninvestu f’infrastruttura li tagħtina aktar kapaċità, aktar flessibbiltà u aktar reżiljenza. It-tliet proġetti li qed ninawguraw illum huma eżempju ta’ din il-ħidma. Huma investimenti li qegħdin iħejju lil pajjiżna għall-ħtiġijiet t’għada,” kompliet il-Ministru.
Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti saħaq li dan l-investiment li jaqa’ taħt il-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza, juri kif il-fondi Ewropej qed jissarrfu f’infrastruttura aktar b’saħħitha u servizzi essenzjali aktar affidabbli għall-familji u n-negozji. “Qed nidderieġu l-fondi Ewropej lejn il-ħtiġijiet reali ta’ pajjiżna. L-investiment f’dawn it-tliet ċentri tad-distribuzzjoni tal-elettriku jfisser tisħiħ ta’ servizz li fuqu jiddependu l-ħajja ta’ kuljum tal-familji u l-operat tan-negozji tagħna. Irridu network aktar b’saħħtu u reżiljenti, li jwieġeb għall-ħtiġijiet tal-lum u jħejji lil Malta għal futur b’enerġija aktar nadifa,” saħaq il-Ministru.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Enemalta Ryan Fava spjega li l-inawgurazzjoni ta’ dawn it-tliet ċentri tad-distribuzzjoni tirrappreżenta pass importanti fit-twettiq tal-programm ta’ investiment tal-Enemalta fl-infrastruttura nazzjonali tal-elettriku. Permezz ta’ investiment ta’ madwar €40 miljun fin-Naxxar, fis-Siġġiewi u fl-Imsida, qegħdin insaħħu l-kapaċità, il-flessibbiltà u r-reżiljenza tan-network tad-distribuzzjoni, sabiex dan ikun jista’ jilqa’ għad-domanda dejjem tikber għall-elettriku. Dawn il-proġetti jiffurmaw parti minn programm usa’ ta’ investiment li l-Enemalta qiegħda twettaq madwar Malta u Għawdex, skont il-Pjan ta’ Disa’ Snin. L-għan tagħna huwa li nkomplu niżviluppaw infrastruttura moderna, robusta u affidabbli li, filwaqt li tindirizza l-ħtiġijiet tal-lum, tkun imħejjija wkoll għad-domanda u għall-iżviluppi futuri fis-settur tal-enerġija. Permezz ta’ dan l-investiment kontinwu, qegħdin inkomplu nsaħħu s-sistema tal-elettriku ta’ pajjiżna biex tkun aktar reżiljenti u flessibbli, għall-benefiċċju tal-familji, tan-negozji u tal-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta u Għawdex.”
Aktar investiment fin-network nazzjonali
Dawn it-tliet proġetti jkomplu jibnu fuq il-programm ta’ investiment li Enemalta qed twettaq f’diversi partijiet ta’ Malta u Għawdex, li jinkludi ċentri tad-distribuzzjoni ġodda, it-tisħiħ ta’ dawk eżistenti, substations ġodda u t-tqegħid ta’ kilometri ta’ cables taħt l-art.
Din il-ħidma hija mmirata biex tiżdied il-kapaċità tas-sistema, titnaqqas il-possibbiltà ta’ interruzzjonijiet fil-provvista u, fejn iseħħu ħsarat, ikun hemm aktar flessibbiltà biex is-servizz jerġa’ jiġi stabbilit fl-iqsar żmien possibbli.
Dawn iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda jingħaqdu ma’ numru ta’ DCs li sar tisħiħ fihom, fosthom fl-Imrieħel fejn ġiet irdoppjat il-kapaċità, u l-Mosta, Kirkop, Buġibba, St. Andrew’s, u Paceville. Fl-aħħar ġimgħat beda ukoll il-proċess tal-għażla għal żewġ cables ġodda tal-elettriku ta’ 33kV taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex, u ħarġet ukoll sejħa għall-offerti biex isir ċentru ta’ distribuzzjoni ġdid għal Mater Dei.
Il-Gvern, permezz ta’ Enemalta, se jkompli jwettaq investimenti strateġiċi fl-infrastruttura tal-elettriku biex jiżgura li s-sistema nazzjonali tkun tista’ tlaħħaq mat-tkabbir ekonomiku, mal-ħtiġijiet tal-komunitajiet u mat-tranżizzjoni lejn sorsi ta’ enerġija aktar nodfa.
