Wednesday, December 25, 2024

“Il-mużika ħajti… ma nimmaġinanix ngħix mingħajrha”

Bernice Sammut Attard

Aqra wkoll

Ta’ 16-il sena siefret biex tistudja fi skola tal-mużika prestiġjuża fir-Renju Unit. Issa, ta’ 22 sena, tgħix fl-Iskozja fejn tistudja kemm il-pjanu kif ukoll il-vjolin. Iż-żewġ strumenti huma essenzjali għaliha u verament jgħinu lil xulin. Dan ix-xahar se tkun qiegħda tiggradwa mill-Konservatorju tal-Iskozja (Royal Conservatoire of Scotland) u f’Settembru tibda l-Masters. 

Nhar is-Sibt 4 ta’ Ġunju 2022 fis-7.30 p.m., Dar il-Mediterran għall-Konferenzi se jkun qed jippreżenta piano recital miż-żagħżugħa ta’ 22 sena, Bernice Sammut Attard – li hija wkoll waħda mill-aqwa mużiċisti lokali. Il-programm se jkun jikkonsisti f’xogħlijiet ta’ Bach, Bartok, Wagner/Liszt aund Chopin.

Fil-bidu ta’ din is-sena, Bernice daqqet Rachmaninoff’s 2nd Piano Concerto mal-professur tagħha Petras Geniušas. Mill-konservatorju tagħha għal din is-sena se jkun qed jinkludiha ddoqq Dvorak Piano Quintet, li huwa solo piano recital f’Ġunju li ġej, kif ukoll se tieħu sehem bħala waħda minn piano duo waqt il-Piano Festival.  

It-tul tal-piano recital huwa 60 minuta u l-biljetti jixtraw għall-prezz ta’ €10 biss. Tfal taħt it-12-il sena jidħlu b’xejn. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel fuq 2559 5750 jew iżur is-sit www.showshappening.com.

Dan il-ġurnal iltaqa’ ma’ Bernice nnifisha fejn talabha iktar dettalji rigward il-karriera ta’ suċċess tagħha fil-mużika sa issa.

Kif bdiet l-imħabba tagħha lejn il-mużika?

Ta’ età żgħira niftakarni nieħu gost nisma’ lill-mamà ddoqq il-pjanu u nitħajjar insir naf kif jaħdem dan l-istrument. Kont immur man-nannu tiegħi il-kor tat-tfal ta’ San Ġiljan il-Cantores Sancti Juliani li kien iħarreġ u jidderieġi hu, u kont nieħu pjaċir ħafna. Dak iż-żmien kien kor prestiġġjuż ħafna u rebaħ kompetizzjonijiet ta’ mużika sagra f’diversi festivals barra minn Malta. Minn hemm bdiet in-namra mal-mużika. Bdejt nistudja l-pjanu ma’ Karen Briscoe u l-vjolin ma’ Marcelline Agius.

Meta kelli 13-il sena sirt parti mill-Malta Youth Orchestra u kont bdejt insiefer barra minn Malta għal korsijiet u festivals tal-mużika. Dawn huma, żgur mhux forsi, ir-raġuniiet għaliex spiċċajt fejn jien illum.

U li jkollha tiddeskrivi l-esperjenza tagħha fil-mużika sa issa, kif tiddeskriviha?

Fis-sena 2017, kont finalista fil-kompetizzjoni Chetham’s Bosendorfer u fl-istess sena rbaħt it-tieni premju fil-Malta International Music Competition flimkien ma’ premju prestiġjuż ieħor bħala vjolinista. Fil-Malta International Piano Competition irbaħt żewġt premjijiet ex aequo: it-tielet post hekk kif ukoll premju tal-aqwa pjanista Maltija.

Fit-2018 irbaħt il-kompetizzjoni lokali tal-Malta Eurovision Young Musicians u kelli l-unur li nirraprenżta lil Malta ġewwa Edinburgh fl-istess sena.  Hemmhekk tajt recital ta’ tmintax-il minuta, li kien imxandar dirett fuq it-televiżjoni minn stazzjonijiet Ewropej u segwit minn madwar ħames miljun ruħ. Kienet l-ewwel esperjenza sabiħa fuq pjattaforma wiesa’ internazzjonali. Esperjenza li ma’ ninsiha qatt.

Minn hawn ‘il quddiem bdew jinfetħu opportunitajiet ġodda.

Fl-2019 daqqejt il-Grieg Piano Concerto flimkien ma’ erba’ orkestri u taħt surmastrijiet differenti – In-North Caucasus Orchestra, l-Eurasian Symphony Orchestra, ir-Ryazan Symphony Orchestra u l-Astrakhan Symphony of the Astrakhan Opera and Ballet Theatre. Ikkollaborajt mas-surmastijiet Alexei Galea Cavallazzi, Mikhail Kirchhoff, Sergey Oselkov u William Garfield Walker.  Dawn il-kunċerti kienu organiżżati mill-European Foundation for Support of Culture bħala parti mill-“Days of Maltese Music” programm fl-Armenia, Kazakhstan u Russja. 

Wara l-piano recital li tajt l-Armenia f’Marzu 2019 ir-rivista qalet hekk The piano keys sounded soft and beautiful under the fingers of Bernice Sammut Attard.  Her performance was so sincere that the harmonious sounds of music united the audience and the pianist into one”. 

Bħala concert pianist daqqejt f’diversi postijiet internazzjonali bħal l-Ingilterra, li-Skozja, Wales, l-Polonja, l-Ġermanja, l-Belġju, l-Olanda, ir-Russja, l-Armenja, il-Kazakhstan u Seattle fl-Istati Uniti.

Sentejn ilu, mal-bidu tal-pandemija, fuq stedina tal-Management ta’ Dar il-Mediterran għal-Konferenzi, daqqejt recital fl-1 ta’ Marzu 2020.

Bernice, kif għażlet il-pjanu fost strumenti mużikali oħra?

Jien fil-fatt indoqq kemm il-pjanu kif ukoll il-vjolin. Iż-żewġ strumenti huma differenti iżda fl-istess ħin jikkumplimentaw lil xulxin u għalhekk nemmen li t-tnejn li huma importanti għalija. Jgħinuni sabiex insir il-mużiċista li nixtieq inkun. 

Bil-vjolin nieħu sodisfazzjon l-aktar meta ndoqq f’orkestra. Kelli ħafna opportunajiet sbieħ minnħabba l-fatt li kont parti minn diversi orkestri fosthom Chethams Symphony Orchestra, il-Malta Youth Orchestra, u Duet Philharmonic.  Permezz ta’ dawn l-orkestri, daqqejt f’postijiet bħar-Royal Festival Hall, Bridgewaterhall u Stoller Hall fir-renju unit kif ukoll fit-Teatru Manoel, fi Pjazza Teatru Rjal u Dar il-Mediterran f’Malta. Kelli wkoll diversi opportunitajiet fejn daqqejt mal-Malta Philarmonic Orchestra. Il-ħoss li joħroġ minn orkestra dejjem affaxxinani u jispirani fil-pjanu – fejn inħoss li jkolli orkestra taħt idejja u għalhekk m’hemmx limitu għall-immaġinazzjoni. 

U kif iddeċidiet li tmur tgħix l-Iskozja? 

Dan kien żvilupp naturali għas-sempliċi fatt li meta għalaqt 15-il sena ġejt magħżula biex nattendi s-6th form ġewwa l-iskola prestiġjuża ta’ Chethams School of Music f’Manchester.  Din hija skola fejn fiha jsir speċjalizzazzjoni fil-mużika, fl-istess waqt l-istudenti jkomplu jistudjaw suġġetti akkademiċi. F’din l-iskola komplejt l-istudji akkademeċi tiegħi abbinati mal-ispeċjaliżżazzjoni fil-pjanu u l-vjolin. Din l-iskola tipprepara lill-istudenti biex jilħqu livell għoli li jippermettilhom imorru jistudjaw f’konservatorju.

F’Chethams studjajt il-pjanu u l-vjolin ma’ Duncan Glenday u Ruth Hahn rispettivament. Kont l-ewwel Maltija li bdejt nattendi din l-iskola tal-mużika tant prestiġjuża.  

Ovvjament ma kinitx faċli li nitlaq minn Malta t’età żgħira iżda din tagħtni maturità u sirt aktar indipendenti.  

F’Manchester domt sentejn bejn l-2016 u l-2018. Bħalissa qiegħda fl-aħħar sena tal- Bachelor of Music ġewwa r-Royal Conservatoire of Scotland fejn qed nistudja taħt il-gwida tal-Professuri Fali Pavri u Petras Geniušas.

Timmissjaha lil Malta?

Malta nimmissjaha ħafna.  Meta niġi ndoqq hawn ikolli l-pjaċir li minbarra li ngawdi ftit aktar lill-familja, niltaqa’ ma’ ħafna wċuh familjari u ħbieb li nkun ilni xi ftit ma nara. Kif ġieli esprimejt, l-unika ħaġa li sibt bi tqila huwa l-fatt li ma tantx nista’ nitkellem bil-Malti fil-konservatorju għal raġunijiet ovvji. L-ilsien Malti hu verament għażiż għalija. Jien inħobb nikteb ħafna bil-Malti u nipprova ndaħħal xogħlijiet ta’ kompożituri Maltin waqt l-istudji tiegħi kull meta jkun possibbli. 

Tlabna lil Bernice tispjega kemm hi differenti x-xena tal-mużika fl-Iskozja minn dik f’Malta? 

Ix-xena mużikali hija differenti minn Malta. Hawnhekk nistudja fuq strumenti eċċezzjonali – dawn żgur mhux forsi jgħinuni sabiex intejjeb il-livell tiegħi. Glasgow huwa post verament internazzjonali – artisti rinomati l-ħin kollu jiġu sabiex jagħtu kunċerti u masterclasses – l-ambjent huwa wieħed verament mimli b’opportunitajiet li titgħallem minn bosta nies f’diversi dixxiplini. 

Malta hija tassew speċjali – għadna orkestra tajba ħafna b’mużiċisti bravi li jsiefru f’teatri prestiġjużi u qed jagħmlu unur kbir għall-pajjiżna.

Jien kelli x-xorti li nipparteċipa f’master classes u lezzjonijiet ma’ pjanisti u vjolinisti rinomati mondjali li jinkludu fost oħrajn Vladimir Ovchinnikov, Mikhail Petukhov, Einar Steen-Nokleberg, Christopher Elton, Craig Sheppard, Nicola Benedetti, Sigyn Fossnes, Andrea Gajic u Leland Chen. 

U hekk kif fil-futur qrib Bernice għandha piano recital, tlabnieha tagħtina aktar dettalji fosthom ta’ kif qed tipprepara għalih.

Iva. Fuq stedina oħra mill-Management u l-bord tad-diretturi ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, ser nagħti recital ta’ 60 minuta fuq il-pjanu nhar is-Sibt 4 ta’ Ġunju. F’din ir-recital se ndoqq repertorju li jinkludi: 

J.S Bach: Prelude and Fugue in D Major BWV 874

Bartok: Suite Op.14

Wagner/Liszt: Liebestod Tristan und Isolde.

Chopin: Sonata No.2 Op.35 ‘funeral march’

Kif taf, dan jirrikjedi sigħat twal ta’ preparazzjoni.  Minbarra l-ħin ta’ studju mal-professuri fil-konservatorju, inqatta’ sigħat twal nistudja kuljum. Biex serata bħall din tindaq bl-amment tirrikjedi ħafna preparamenti, riċerka u prattika. 

Bernice Sammut Attard kif qed tħares lejn il-futur tagħa fil-mużika?

Il-mużika hija ħajti. Ma’ nimmaġinanix ngħix mingħajrha. Għandi ħafna ħolm li nixtieq inwettaq. Bħalma rrealizzajt ħolm ieħor sa issa, inħossni ottimista li b’xogħol, studju profond, dedikazzjoni u dixxiplina, jirnexxieli nwettaqhom ukoll. Il-kunċerti li nagħti huma mumenti speċjali u jimlewni b’sodisfazzjon indeskrivibbli.

Bernice xtaqet tgħaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u/jew żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-mużika…

Inħeġġeġ lit-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera fil-mużika biex ma jibżgħux u ma jaqtgħux qalbhom. Bl-istudju, bl-impenn serju u d-dedikazzjoni jistgħu jaslu fejn jixtiequ. Jattendu kunċerti regolarment u jattendu festivals barra minn Malta, kemm ikun possibbli. Din karriera li tirrikjedi ħafna sagrifiċċji, bħal kull arti oħra nkluż l-isport. Fil-ħajja xejn ma jiġi faċli. Li hu żgur hu li fl-aħħar mill-aħħar, is-sodisfazzjon ikun akbar.

Ekonomija

Sport