Thursday, May 16, 2024

Real Madrid champions Ewropej għall-14-il darba

Aqra wkoll

LIVERPOOL …….0

REAL MADRID ….1

Real Madrid rebħu l-UEFA Champions League meta fil-finali għelbu lil Li­verpool bl-iskor ta’ 1-0 biex rebħu dan l-unur għall-14-il darba u komplew ikabbru d-dominju Ewropew fl-istorja tal-club. 

Mertu kbir għal din ir-reb­ħa għandu jmur għand il-goalkeeper, Thibaut Cour­tois, li laqa’ dak kollu mitfugħ lejh biex kien strumentali u kruċjali għat-team tie­għu. 

Ta’ min jgħid li din il-finali ttardjat b’35 minuta minħabba l-kaos li kien hemm barra l-istadium hekk kif bosta partitarji tħallew barra … xi ħaġa li qatt ma ġrat kemm ilha tintlagħab din il-kompetizzjoni. 

Aktar minn hekk, intuża wkoll il-gass tad-dmugħ fuq il-partitarji ta’ Liverpool li bosta minnhom kienu familji bit-tfal jistennew biex jidħlu fl-istadium. Peró ħafna minnhom “ħarbu” minn fuq is-sit minħabba li s-sitwazzjoni kienet qed teħżien.

Intant, din il-partita kel­lha bidu kwiet sakemm fil-15-il minuta Liverpool resqu viċin li jiftħu l-iskor meta Trent Alexander-Arnold għad­da lejn Mohamed Salah li b’daqqa ta’ takkuna ra lil Thibaut Courtois isalva biex mill-istess azzjoni l-goalkeeper Madrilen reġa’ salva fuq Thiago Alcantara. 

Żewġ minuti wara l-istess Courtois wettaq save kbir fuq Salah u fil-21 minuta reġa’ kien providenzjali meta minn ħames metri bogħod salva fuq Sadio Mane megħjun minn sieq il-lasta biex evita goal ċert. 

Liverpool baqgħu jgawdu l-pussess tal-ballun u fit-28 minuta, Fabinho ttanta xortih mid-distanza iżda falla l-mira. 

Fl-aħħar kwarta tal-ewwel taqsima, ir-Reds baqgħu territorjalment aħjar iżda bdew isibuha diffiċli biex jippe­netraw hekk kif il-Madrileni bdew jirtiraw lura biex jilq­għu l-pressjoni tagħhom. 

Peró kontra x-xejra tal-logħob, eżattament fil-45 mi­nuta, Real skorjaw meta Karim Benzema approfitta minn indeċiżjoni bejn Ibrahima Konate u l-goalkeeper Alisson Becker iżda fil-proċess tal-azzjoni l-attakkant Madrilen ġie ġġudikat f’pożizzjoni ta’ offside liema deċiżjoni kellha tiġi verifikata mill-VAR. 

Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, Liverpool reġgħu heddew u resqu viċin iżda Dani Carvajal imblokka fil-ħin lil Luis Diaz.

Fid-59 minuta, Real Mad­rid fetħu l-iskor meta Fede­rico Valverde xeħet cross fit-tul minn fuq ix-xellug biex qabeż lid-difiża kollha ta’ Liverpool fejn Vinicius Ju­nior għeleb in-nasba tal-offside u xeħet il-ballun fix-xib­ka. 

Liverpool għamlu reaz­zjoni mmedjata u fl-64 minuta reġa’ kien Courtois li salva fuq Salah li minn tarf il-kaxxa dawwar il-ballun li deher dieħel fix-xibka. 

Ħames minuti wara, Li­­verpool reġgħu sabu lill- goalkeeper Madrilen iwaq­qaf­hom milli jiksbu d-draw meta d-daqqa ta’ ras tas-sostitut Diogo Jota kienet se tasal għand Salah biex jikkonkludi iżda Courtois laħaq qabel fuq il-ballun. 

Fil-81 minuta, Liverpool fallew ċans tad-deheb li jiksbu d-draw meta Naby Keita għamel l-impossibbli u xeħet għoli b’lasti vojta quddiemu. 

Minuta wara ħarab waħdu fuq il-lemin u fajjar xutt, li iżda, bl-għajta tal-goal ra lil Courtois idawwar f’corner. 

Lejn it-tmiem Liverpool ippruvaw iżidu l-isforzi tagħhom biex jiksbu l-goal tad-draw iżda l-għejja u l-frustrazzjoni bdew jidhru fuqhom biex l-iskor sas-suffara finali baqa’ ma nbidilx … biex Real Madrid rebħu l-ogħla unur tal-football Ewropew f’dan l-istaġun. 

Sport