Fis-6 ta’ Ġunju li għadda, il-kantant u kittieb Malti Klinsmann nieda l-ewwel single tiegħu għall-2025 bl-isem “Unknown”, li diġà qed jiġbed l-attenzjoni fuq il-pjattaformi diġitali kollha. Din hija r-raba’ diska li ħareġ mill-album Chaos & Cadence, li mistennija toħroġ bejn l-aħħar ta’ Ġunju u l-bidu ta’ Lulju. Iżda f’differenza għall-kanzunetti preċedenti bħal “Survivor”, “Something Real” u “Paper Boat”, “Unknown” titkellem dwar l-inċertezza u l-kuraġġ li nimxu ’l quddiem anke meta ma nafux fejn sejrin. Hu fatt magħruf li fil-ħajja niltaqgħu ma’ mumenti ta’ dubji u fejn ma tkunx taf x’se taqbad tagħmel.
Klinsmann jispjega li l-ispirazzjoni għal din id-diska ġiet minn mument f’ħajtu fejn ma kienx ċert x’kien ġej. “Ktibt din id-diska f’mument fejn kollox kien jidher instabbli. Tħossok li l-verżjoni tiegħek stess li kont mdorri biha ma tagħmilx sens aktar, imma l-verżjoni l-ġdida tiegħek għadha ma tidhirx,” qal waqt l-intervista li kellna miegħu. “Unknown” tgħaqqad l-emozzjoni tal-biża’ u l-fidi, u tgħid storja universali ta’ bidla, separazzjoni, u ġlieda interna.”
Lil hinn minn dan, saqsejna lil Klinsmann kif beda kollox, speċjalment l-imħabba tiegħu għall-mużika li skont hu bdiet kmieni ħafna.
“Kelli 10 snin meta bdejt, u kienet oħti Kylie li ħajritni. Kont nara lilha tkanta u ħassejt xi ħaġa tiġbidni. Konna tfal, imma kont naf li hemm xi ħaġa speċjali f’dan kollu.” Minn hemm beda jdoqq il-kitarra, il-pjanu, u beda wkoll jikteb kanzunetti tiegħu, kif ukoll għal artisti oħra, xi ħaġa li għadu jagħmel sal-lum il-ġurnata.
Il-pubbliku Malti sar jaf lil Klinsmann għall-ewwel darba fl-2007, meta pparteċipa fil-Malta Eurovision Song Contest bil-kanzunetta “She Gives Me Wings”. Diska li mhux biss impressjonat lill-ġurija, iżda kienet il-bidu ta’ karriera li baqgħet dejjem tikber. “Qabel kont diġà ħadt sehem fil-Junior Eurovision, imma din kienet l-ewwel darba li ħassejt li qed nippreżenta lil Klinsmann bħala artist veru.”
Meta staqsejnieh jekk hux qed jippjana li jerġa’ jipparteċipa fil-Eurovision, hu wieġeb b’mod onest: “Ma neskludi xejn. Illum nieħu deċiżjoni skont kif tħossok – jekk il-kanzunetta tmissni, jekk inħossha tiegħi, allura iva, nipparteċipa.”
Fil-fatt, skont hu l-espressjoni artistika għandha tkun sinċiera u mhux motivata biss minn kompetizzjoni jew pressjoni esterna, xi ħaġa li hu qatt ma ġie effettwat biha, anzi jgħid li jħalli lil qalbu tmexxih.
Fuq livell nazzjonali, Klinsmann jinnota bidliet pożittivi fil-qasam mużikali. “Meta tqabbel 20 sena ilu mal-lum, sar ħafna titjib. Kien hemm żmien fejn artisti kienu jħossu li għandhom joperaw weħidhom. Illum għandna entitajiet bħall-Kunsill Malti għall-Arti, u hemm għajnuna għal min irid jaħdem.” Jisħaq li artist żgħir illum għandu ħafna aktar għodod u opportunitajiet milli qabel – “jekk tfittex, issib. Trid tkun int li tirsisti sabiex il-prodott tiegħek jimxi dejjem aktar. ”
Madankollu, jissemma wkoll xi realtà li għadha teħtieġ attenzjoni: l-apprezzament lokali. “Il-Malti, bla ma jrid, jagħti importanza akbar lil min jagħmel suċċess barra minn Malta. Ma hemm xejn ħażin li napprezzaw lil barrani, imma xi kultant in-nies ta’ pajjiżna għandhom jitilgħu fuq l-istess pjattaforma. Meta Malti jirnexxi barra, allura nagħrfuh. Imbagħad jien nemmen li r-rispett trid taħdem għalih, xi ħaġa li dejjem nagħmilha bħala artist, kittieb tal-mużika u kantant.”
Klinsmann jgħix mill-mużika, imma jgħid li mhux faċli. “Trid taħdem ħafna u tkun versatili. Ma tistax tiffoka fuq ħaġa waħda biss. Irrid nagħmel il-kitba, il-produzzjoni, il-wirja fuq il-palk, u nkun f’kuntatt mas-segwaċi tiegħi. Kull aspett jagħmel parti mis-suċċess u dan kollu jeffettwa ħaġa ma’ oħra.”
Minkejja l-isfidi, iħossu grat u motivat ikompli jtejjeb lilu nnifsu. Għall-futur, jara lilu nnifsu jidħol iktar fil-produzzjoni u l-kitba, filwaqt li jkompli joħroġ mużika oriġinali.
“Nixtieq nespandi – mhux biss bħala performer, imma bħala kreatur komplet.”
L-album li ġej, Chaos & Cadence, huwa maqsum f’żewġ partijiet li jesploraw iż-żewġ naħat tal-emozzjoni umana – il-kaos tal-inċertezza u r-ritmu li jagħtina serħan. Bħala l-aktar proġett personali tiegħu s’issa, Klinsmann jgħid li fih jittratta t-temi tas-sopravivenza, l-imħabba, it-telfa u r-riġenerazzjoni.
“Dawn it-temi li semmejtlek f’xi mument jew ieħor f’ħajjitna niltaqgħu magħhom. Hawn min ibati, hawn min iqum wara tisbita iżda l-importanti hu li tiġġieled kontra l-kurrent li xi kultant jiġi quddiemek.”
“Unknown” hija ċ-ċavetta għal dak kollu li ġej. Bil-produzzjoni ta’ Howard Keith (Jagged House Studios), il-kanzunetta toħloq atmosfera intensa u kontemplattiva – taħlita ta’ strumenti ambjentali, kitarri li jtiru, u vokali li jolqtu l-qalb.
Meta mistoqsi x’messaġġ jagħti lit-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom interess fil-mużika, Klinsmann jitbissem u jgħid: “Il-mużika tagħmilni kuntent. Jekk tħoss li tista’ tagħmlek kuntent, ipprovaha. L-arti mhix għal xi ftit magħżula – hija għal kulħadd. Imxi biha, anke jekk ma tafx fejn se tieħdok. Għax ħafna drabi, hija l-‘Unknown’ (dak li ma tafx x’se jiġri) li verament tgħallimna min aħna.”
Klinsmann mhux biss qed jibni karriera, iżda wkoll joffri vuċi sinċiera u awtentika f’xena mużikali li qed tevolvi speċjalment minn 20 sena ‘l hawn. L-għaqda bejn esperjenza personali, mużika moderna u viżjoni kreattiva tagħmlu wieħed mill-aktar artisti rispettati u maħbuba li għandna bħalissa – mhux biss f’Malta, iżda wkoll lil hinn minn xtutna.