Paul van Dyk twieled fit-16 ta’ Diċembru 1971 u llum il-ġurnata għandu 50 sena. Proprjament hu twieled fil-belt ta’ Eisenhuttenstadt li dak iż-żmien kienet parti mill-Ġermanja tal-Lvant. Hu DJ ferm magħruf kif ukoll record producer prim li jispeċjalizza f’mużika differenti fosthom Uplifting Trance, Progressive Trance, Progressive House, Electro House u Psytrance. Tista’ tgħid li għal dawn l-aħħar deċennji ismu kien sinonimu ma’ diski moderni u li jġiegħlu lill-folla miġbura taqbeż u tiżfen. Ħafna jiftakru s-siltiet tiegħu For An Angel, We are Alive, In your Arms, Let Go, Tell me Why, White Lies u Stronger Together li tant kisbu suċċess fil-klassifiċi ewlenin fl-Italja, l-Ingilterra u l-Ġermanja.
Ilu attiv sa mis-sena 1990 meta kellu biss 19-il sena u f’dawn is-snin rebaħ diversi unuri fosthom l-aqwa DJ fl-2005 u 2006, il-Grammy Awards u l-aqwa artist mużikali tar-rivista Mixmag fl-2005.
Normalment hu jaħdem fil-keyboards, mixer, synthesizer u turntables u għalhekk jista’ jissejjaħ artist mużikali ferm versatili.
van Dyk jidentifika ruħu bħala speċjalist fil-mużika trance fejn ifittex li jħallat u fl-istess waqt iqabbel il-ħsejjes mużikali sabiex jantiċipa lill-folla għal dak li jkun ġej wara silta mużikali partikolari kif ukoll iżomm ħaj ir-ritmu fost dawk li jkunu fuq id-dancefloor. Kellu diversi kunċerti madwar id-dinja u tista’ tgħid dejjem ġabar folol kbar.
Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, van Dyk kien mistieden f’Malta sabiex jieħu sehem f’attività f’Ħal Farruġ flimkien ma’ Tenishia, Clay C, Dylan Deck, Pomroy, Neo-X u Lien T. Talk.mt ħa l-okkażjoni sabiex jieħu xi kummenti mingħand van Dyk innifsu.
Saqsejnieh kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn il-mużika
“Kont għadni żgħir u niftakar li ommi xtratli radju żgħir li kien jaħdem bil-batteriji. Niftakar li kont indoqq dan ir-radju kuljum u kienu jogħġbuni d-diski ta’ dak iż-żmien u għalhekk iktar kont indoqqhom. Biż-żmien komplejt infittex aktar diski u fis-snin 80 ħarġu l-famużi cassettes li jien kont nixtri.”
“Irrid ngħid li dak iż-żmien ma kinitx xi ħaġa faċli biex issib tixtri l-mużika minħabba li kienet xi ħaġa diffiċli fil-Ġermanja tal-Lvant ta’ dak iż-żmien. Opportunitajiet ftit kien hawn u għalhekk kont nisma’ żewġ stazzjonijiet tar-radju tal-Ġermanja tal-Punent bil-moħbi bl-isem ta’ RIAS U FSB. Dawn kienu jxandru programmi tal-klassifika mużikali Ewropea u jien kont ninnota kollox filwaqt li nżomm ruħi aġġornat bl-aħħar diski.”
van Dyk qalilna li għall-bidu kellu l-ħsieb li jsir mastrudaxxa iżda mbagħad wara li ltaqa’ ma’ ħabib tiegħu f’Berlin, dan offrielu sabiex fil-bidu ta’ Marzu 1991 idoqq fi klabb imsejjaħ Tresor. Kellu 20 sena u bħalma qalilna hu kienet opportunità li ma setax jgħidilha le. Wara dik il-wirja li kienet waħda tajba, van Dyk beda jingħata ħafna opportunitajiet u ġie kkuntattjat minn żewġ esponenti fil-qasam tal-mużika Mark Reeder u Kid Paul. Minn hemm ‘il quddiem kulħadd jaf l-istorja tiegħu u fejn wasal.
Iżda kif iħares lejn il-mużika Paul van Dyk?
“Jien inħares lejn il-mużika bħala parti kbira minn ħajti u li mingħajrha ma nistax ngħix. Barra minn hekk, meta niġi mistieden sabiex nieħu sehem f’xi serata ma ngħidx li sejjer ix-xogħol iżda li ħiereġ u se nieħu pjaċir. Meta tħares lejn ix-xogħol b’dan il-mod, ma tiddejjaq qatt.”
Mhux l-ewwel darba li Paul van Dyk ġie Malta u jiftakar kemm fil-passat kull meta kien hawn, il-folla rrispondiet sew għall-mużika li kien qed idoqq. Hu stqarr li l-gżejjer Maltin jogħġbuh ferm minħabba l-atmosfera li jkun hemm filwaqt li jkun ferm ferħan meta jdoqq hawn. Ovvjament wara l-aħħar serata li tella’ f’Ħal Farruġ, hu kien sodisfatt bil-wirja tiegħu anke minħabba li l-folla preżenti apprezzaw id-diski li daqq. L-ikbar sodisfazzjon li ħass kien meta l-istess folla bdew ikantaw ħafna mis-siltiet magħrufa tiegħu bl-iktar tnejn li spikkaw kienu For An Angel u In Your Arms.
Saqsejna lil Paul van Dyk dwar kif qed jara l-futur tiegħu
“Sakemm il-futur tiegħi jkun mogħni b’ferħ, kuntentizza, saħħa u ħafna attivitajiet soċjali, naħseb li nkun l-iktar raġel kuntent fid-dinja. Ninsab fortunat li s’issa kelli u għandi kollox minn dan. Jien bniedem li dejjem żammejt saqajja mal-art u għalhekk qatt ma ħallejt is-suċċess jitla’ għal rasi.”
“Jien ngħid ukoll li l-flus mhux kollox, veru huma importanti iżda ma jimlewlekx ħajtek. Kuntrarju għal dan meta tkun imdawwar bl-imħabba u r-rispett, għalija jkollok kollox!”
Finalment tlabna lid-DJ Ġermaniż sabiex iwassal messaġġ lill-poplu Malti u Għawdxi partikolarment dawk dilettanti tal-mużika tiegħu tal-ġeneru trance.
“L-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lis-segwaċi tiegħi minn Malta u Għawdex li dejjem jilqgħuni kull meta niġi hawn. Verament ħadt pjaċir f’Ħal Farruġ speċjalment bis-serata li ħolqu l-organizzaturi. Nispera li din ma tkunx tal-aħħar u jerġa’ jkolli ċans niġi fostkom!”
Finalment hu għalaq b’messaġġ ieħor għal dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fix-xena mużikali biex jagħmlu dak li jħobbu u qatt ma jkunu mdejqa. Il-mużika hi mezz ta’ komunikazzjoni universali li jitkellem biha kulħadd. Il-mużika tferraħ, toħloq sentimenti u emozzjonijiet li jġibu memorji sbieħ. Jien għandi ħafna minnhom u nispera li jibqa’ jkolli ħalli nibqa’ naħseb fil-pożittiv!”.