F’dinja fejn is-sigurtà spiss tegħleb il-passjoni, is-sena li għaddiet artista Maltija kellha l-kuraġġ li tibdel il-kors ta’ ħajjitha. Ħalliet warajha r-rutina prevedibbli ta’ karriera fil-finanzi, biex Christine Dalli setgħet issegwi ħolma u volontà li ilha tħeġġiġha: dik li hi l-mużika.
L-istorja ta’ Christine hija waħda ta’ trasformazzjoni u kuraġġ. Minkejja li Christine dejjem kellha l-mużika għal qalbha u kompliet tkanta, hi għamlet karriera tahdem fis-settur finanzjarju, tispeċjalizza fix-xogħol ta’ compliance għal diversi kumpaniji finanzjarji. “Il-kant dejjem kien l-imħabba tiegħi,” tgħid. “Kien il-mod kif nesprimi emozzjonijiet li ma stajtx nesprimi bil-kliem. Il-mużika tferraħ u tgħaqqad in-nies. Għalkemm ix-xogħol fis-settur finanzjarju kien wieħed sodisfaċenti u tgħallimt ħafna fih xorta minn dejjem ħassejt sejħa speċjali għall-mużika … sejħa li ma għebet qatt!”.
Christine beda jkollhas s-suċċessi mis-sajf li għadda kif ukoll iktar riċenti, fi żmien il-Millied u l-bidu tas-sena. Qed tibni isem fil-Belġju fejn bdiet tagħmel il-kunċerti tagħha. “F’kull kunċert li nagħmel, inħossni kuntenta u sodisfatta,” tgħid. “Anke meta kienet sfida, kont naf li kont fit-triq it-tajba.” Kienet ukoll ferħana ħafna meta l-ġenituri tagħha marru l-Belgju għal wieħed mill-kunċerti tagħha.
It-tour tal-kunċerti li jmiss
Christine dan l-aħħar bdiet proġett ġdid ma’ Sony Artist ta’ fama internazzjonali, Patrick Hamilton, li qed jesebixxi l-album ġdid tiegħu bl-isem ta’ ‘Elements of Nature’, li huwa disponibbli fuq il-pjattaformi kollha tal-mużika. Christine se tingħaqad ma’ Patrick f’dan it-tour tal-kunċerti bħala mistiedna speċjali, b’kanzunetta msejsa fuq waħda mill-kompożizzjonijiet tiegħu, ‘Sacred Maze’. Kienet għadha kemm kellha l-ewwel kunċert tagħha s-Sibt li għadda u kisbet merħba sabiha ħafna mill-udjenza, li qed jibdew jagħrfuha mill-wirjiet preċedenti tagħha. Il-kunċerti li ġejjin se jeħduha wkoll lejn il-belt ta’ Gent u r-Royal Albert Hall f’Londra, b’tama li t-tour ikompli f’postijiet oħra madwar id-dinja.
Fi ftit kliem, ‘Elements of Nature’ ta’ Patrick Hamilton kien ta’ ispirazzjoni kbira għal Christine, għax Christine hi persuna li tħobb ħafna n-natura. L-album jiċċelebra s-sbuħija u l-qawwa tan-natura, billi jgħaqqad melodiji li jqajmu l-elementi – l-art, l-ilma, l-arja, u n-nar. Dan l-album qiegħed iqajjem interess kbir fejn fuq Spotify biss ġab iktar minn 50 miljun stream. “Il-mużika ta’ Patrick tfakkarna fil-konnessjoni tagħna man-natura u kif l-armonija tagħha tirrifletti l-bilanċ li nfittxu fil-ħajja tagħna,” tgħid Christine. “Hija messaġġ ta’ tama u riflessjoni, xi ħaġa li l-umanità għandha bżonn aktar minn qatt qabel.”
Bħal kull ħaġ’oħra, Il-vjaġġ ta’ Christine ma kienx nieqes minn ostakli. Kull artist irid jaħseb fuq ħafna affarijiet differenti apparti l-kant, bħal li tippromwovi l-mużika u timmaniġġja l-marka personali tiegħu, eċċ. “Kuljum titgħallem xi ħaġa ġdida u interessanti,” tgħid. “Imma niftakar li kull pass ‘il quddiem, żgħir kemm hu żgħir, huwa progress importanti u qatt m’għandek taqta’ qalbek!”
Li ssib bilanċ bejn il-ħajja personali u karriera ġdida kienet sfida oħra. “Kien hemm mumenti ta’ dubju,” tistqarr. “Imma l-appoġġ tas-sieħeb tiegħi, li tassew jifhem id-dinja tal-mużika, għamel differenza kbira.”
Vuċi għat-tama
Christine użat ukoll il-pjattaforma tagħha biex tkompli tagħti lura, billi qiegħda tikkollabora ma’ kenn għall-klieb lokali, AAA, biex tqajjem għarfien dwar l-adozzjoni tal-annimali u l-volontarjat. “Il-mużika hija qawwija,” tgħid. “Tista’ ġġib lin-nies flimkien għal kawża akbar.” Is-single l-aktar riċenti tagħha fuq Music Platforms diversi, inkluzi, Spotify u YouTube kienet ‘Nella Fantasia’ta’ Ennio Morricone. B’dan il-music video hi qiegħda tappoġġja l-AAA u hi tkompli tħeġġeġ lin-nies biex jadottaw, jivvolontarjaw, u jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom, f’dan il-każ għall-annimali.
Ħarsa ’l Quddiem
Illum, Christine qed tirnexxi bħala kantanta klassika, bil-website tagħha www.christinedalli.com li sservi bħala ċentru għall-wirjiet u l-proġetti tagħha.
Intant, il-futbol għandu ħabta jqarreb lin-nies lejn xulxin. Hekk ukoll is-Soprano Christine Dalli, waqt logħba li saret fil-Jan Breydelstadion Stadium qarrbet u saħħret lil kulħadd meta kantat il-kanzunetta ‘You’ll Never Walk Alone’. Staqsejnieha kif sar il-kuntatt biex setgħet isseħħ din l-esperjenza, u hija qaltilna li “l-kuntatt kien bħala invit minn Club Brugge, tim tal-futbol ġewwa l-Belġju, u li kienet involuta wkoll il-UEFA.”
Wieħed jista’ jimmaġina l-esperjenza tagħha u l-emozzjonijiet li ħasset li tkanta quddiem dawk in-nies kollha, u rrakkontat kif meta ħarġet “kien hemm ħafna kesħa, u allura aktar ma kien importanti li noqgħod ġewwa qabel ma nkanta ikun aktar aħjar, għax inkella taffetwa l-vuċi, iżda bilfors kelli noħroġ xi għaxar minuti qabel biex nara l-atmosfera tan-nies u nara l-massa tan-nies, u li permezz ta’ hekk inkun nista’ nadatta ruħi mal-atmosfera qabel ma nibda nkanta.”
Ladarba bdiet tkanta u l-partitarji kollha preżenti ngħaqdu f’kor hija ddeskriviet li “kien hemm atmosfera sabiħa ħafna, li għalija kienet emozzjonali ħafna għax in-nies vera laqgħu sew il-mużika, u nista’ ngħid li kelli l-akbar kor li kanta bi kburija.”
Waqt li qed tkanta kien hemm ’il fuq minn 25,000 spettatur u kienet anke trażmessa fuq it-televixin.
Kellna kurżità jekk irnexxilhiex tara l-plejers mill-viċin, u hi wieġbet li rnexxielha tarahom għax hi kienet eżatt mal-grada; “kont vera viċin u litteralment kont metru ’l bogħod mill-grawnd u stajt nara l-logħba tajjeb ħafna minn hemm.” Qaltilna wkoll li ltaqgħet ma’ xi plejers li kienu lagħbu fil-passat, u semmiet il-logħba li ntlagħbet fl-1978 meta Club Brugge kienu lagħbu kontra Juventus.
Żgur li din hija esperjenza mill-isbaħ li għaddiet minnha Christine u li għamlet ukoll ħafna Maltin kburin waqt li paxxiet lil kull min sema’ l-vuċi tagħha.
Il-parir tagħha għal dawk li qed jikkunsidraw qabża simili? “Isma’ l-vuċi ta’ ġewwa tiegħek!” tgħid. “Il-ħajja hija qasira wisq biex ma ssegwix dak li tixtieq qalbek!”