Dan il-Musical, barra li għandu mużika melodjusa, huwa msejjes fuq inċidenti u ġrajjiet ikkuluriti li kienu seħħew fl-mgħoddi. Hawn nistgħu nifhmu aħjar kif kienet il-mentalita’, d-drawwiet u t-trobbija ta’ dak iż-żmien rustiku. Nsiru midħla sew mal-laqmijiet u b’lingwaġġ djalettiku ta’ dak iż-żmien. Mary Meylak kienet għaqlija biżżejjed biex turina imħabba li kienet tnisslet bejn iż-żewġ protagonisti tagħna – Leone, ġuvni sbejjaħ mill-Mandraġġ u mal-partit tal-Ljun u Stella, tfajla kemm xejn fuq tagħha mill-Ħara ta’ wara San Franġisk u mal-partit ta’ La Stella. Sintendi, t-tempesti u l-uragani kollha qamu fil-familji taż-żagħżagħ, bejn il-ħbieb u l-ġirien.
Anke l-Arċipriet kien daħal bejn il-basla u qoxtritha għax kien taż-żewġ naħat. Imma bis-saram kollu li ħabtu wiċċhom miegħu ż-żagħżagħ tagħna, huma xorta waħda baqgħu sodi għax l-imħabba dejjem rebħet. Fl-aħħar l-għarajjes tagħna spiċċaw jiżżewġu fil-kappella ċkejkna u tant għażiża għalina l-Maltin u l-Għawdxin f’Ta’ Pinu, fejn il-Madonna kienet kellmet lil Karmni Grima fir-raħal tal-Għarb.
Il-Poetessa Għawdxija Mary Meylak kienet kitbet din il-kummiedja soċjali Stella u Leone meta l-knisja ta’ San Ġorġ kienet ġiet mgħollija għal ġieħ ta’ Bażilika Minuri fis-6 ta’ Settembru 1958 mill-Papa Piju XII. Din il-produzzjoni kienet ittelgħet għall-ewwel darba mill-kumpanija Għawdxija ‘De Soldanis’ fit-Teatru Astra, fil-15 t’April, 1968. Kienet reġgħet ittellgħet għat-tieni darba bħala musical billi zdidilha il-lirika ta Joe W. Psaila u l-muzika ta Mro Antoine Mercieca mill-Kumpanija Gozo Creative Theatre Club, nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ Ġunju 2012 fil-Villa Rundle
Peress li jaħbat il-mija u għoxrin sena mit-twelid u ħamsin sena mill-mewt tal-Poetessa Mary Meylak, il-Musical ser jerġa’ jittellgħa għat-tielet darba, bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kultura u Informazzjoni, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, fl-Anfiteatru ta’ Villa Rundle, ir-Rabat, Għawdex, nhar is-Sibt, 26 ta’ Settembru 2026, fit-7.30pm. Kulħadd huwa mistieden.




