Imfakkar il-65 anniversarju ta’ The Duke of Edinburgh’s International Award f’Malta

Aqra wkoll

Waqt attività organizzata mid-DofE Malta Foundation biex jitfakkar il-65 anniversarju ta’ The Duke of Edinburgh’s International Award f’Malta, tħawlu 70 siġra bejn ir-Rabat u Ħ’Attard. Preżenti għal din l-attività kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u l-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo.

Din l-attività kienet parti minn programm ta’ attivitajiet li ngħata finanzjament permezz tal-Community Support Scheme (CSS) tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS).

Il-programm jinkludi wkoll laqgħa għall-mexxejja tal-Award minn madwar Malta. Permezz ta’ diskussjonijiet u workshops, il-mexxejja se jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jaqblu dwar passi konkreti biex il-programm ikun aktar aċċessibbli u inklussiv u biex aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jieħdu sehem.

Bħala parti mill-istess programm, hemm ippjanat ukoll kamp għall-parteċipanti fil-camping site nazzjonali tal-iScouts f’Għajn Tuffieħa. Il-kamp se joffri workshops u attivitajiet fi gruppi fl-erba’ oqsma tal-award, jiġifieri l-iżvilupp tal-ħiliet, l-attività fiżika, il-volontarjat u l-avventura.

Il-Ministru Julia Farrugia qalet, “Għal 65 sena, dan il-programm ta liż-żgħażagħ f’pajjiżna l-opportunità li jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, jaħdmu flimkien u jagħtu sehemhom fil-komunità. Permezz tal-għajnuna finanzjarja li offrejna, qed ngħinu lil din l-għaqda biex aktar żgħażagħ ikollhom dawn l-opportunitajiet. Bis-siġar li tħawlu dan l-anniversarju ħalla wkoll xi ħaġa li l-komunità se tkun tista’ tgawdi fis-snin li ġejjin.”


Il-Ministru spjegat li l-Gvern se jkompli jinvesti fi skemi bħall-Community Support Scheme, għax jemmnu li l-komunitajiet jiffjorixxu meta l-għaqdiet volontarji jkollhom ir-riżorsi biex iwettqu l-ideat tagħhom. Kompliet li b’dan il-finanzjament se jkomplu jgħinu lill-għaqdiet joħolqu aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ u jwettqu proġetti li jħallu ġid fil-lokalitajiet.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS, Mauro Pace Parascandalo, sostna kif il-Community Support Scheme, li din l-għaqda bbenefikat minnha, daħlet fis-seħħ is-sena li għaddiet u diġà qed tħalli riżultati pożittivi fil-komunitajiet, billi tkompli tinvesti fiż-żgħażagħ u tappoġġja s-sostenibbiltà ambjentali.

Chantelle Cassar Seguna mid-Duke of Edinburgh’s International Award – Malta, ħeġġet liż-żgħażagħ biex ikomplu jingħaqdu mal-programm tad-Duke of Edinburgh’s Award, filwaqt li enfasizzat l-importanza tiegħu fl-iżvilupp personali tagħhom. Hija spjegat li l-programm jgħin liż-żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet importanti għall-ħajja, ikunu aktar attivi fis-soċjetà, jikbru bħala individwi u jibnu aktar kunfidenza u indipendenza. Dan permezz ta’ attivitajiet fiżiċi, volontarjat u esperjenzi li jisfidawhom u jgħinuhom jilħqu l-potenzjal tagħhom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport