Żieda ta’ 29% fil-pensjoni u bonus mhux taxxabbli għall-membri tal-Korpi Dixxiplinati li jkunu servew 29 sena jew aktar

Aqra wkoll

Wara li tliet snin ilu, dan il-Gvern ta żieda ta’ 23% fil-pensjonijiet għall-Korpi Dixxiplinati, issa din iż-żieda qed tiżdied għal 29% għall-membri tal-Korpi Dixxiplinati li jkunu servew għal aktar minn 29 sena, filwaqt li ġie estiż minn erba’ għal sitt snin il-perjodu li fih jistgħu jibqgħu fis-servizz u jirċievu allowance mhux taxxabbli ta’ nofs paga ta’ sena għal kull sena addizzjonali ta’ servizz.

Dawn iż-żewġ miżuri, li jagħmlu parti mill-wegħdi mħabbra fil-manifest elettorali, qed jiġu implimentati fl-ewwel 100 jum ta’ din il-leġiżlatura u huma maħsuba biex ikomplu jirrikonoxxu d-dedikazzjoni tal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, tal-Korp tal-Pulizija, tal-Protezzjoni Ċivili u tas-Servizzi Korrettivi.

Il-miżura dwar il-pensjonijiet tibni fuq inċentiv introdott tliet snin ilu, li kien ta żieda ta’ 23% fil-pensjoni lill-membri tal-Korpi Dixxiplinati li jibqgħu fis-servizz għal aktar minn 29 sena. B’din il-bidla, iż-żieda fil-pensjoni se titla’ għal 29%, jiġifieri titjib addizzjonali ta’ 6 punti perċentwali.

Fl-istess waqt, il-Gvern se jestendi l-perjodu li fih uffiċjali li jkunu għamlu 29 sena ta’ servizz jistgħu, jekk jixtiequ, jibqgħu fis-servizz għal aktar snin. Għal kull sena addizzjonali ta’ servizz, huma jkunu intitolati għal allowance mhux taxxabbli ekwivalenti għal nofs paga ta’ sena. Il-perjodu massimu għal dan l-inċentiv se jiżdied minn erba’ għal sitt snin.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, qal li dawn il-miżuri huma rikonoxximent konkret tal-ħidma u d-dedikazzjoni ta’ dawk li ddedikaw karriera lill-qadi tal-pajjiż. “Dawn mhumiex biss miżuri finanzjarji. Huma rikonoxximent għas-servizz li taw u għadhom jagħtu l-membri tal-Korpi Dixxiplinati lil pajjiżna. Minn dak li tajtu u għadkom tagħtu lill-pajjiż, issa huwa l-mument li l-pajjiż jagħtikom aktar lura,” qal il-Ministru.

Il-Ministru saħaq li dawn il-miżuri jservu wkoll biex jinżammu fi ħdan il-Korpi Dixxiplinati l-għarfien, il-kompetenza u l-esperjenza akkumulata matul snin twal ta’ servizz.

“Meta uffiċjal b’għexieren ta’ snin ta’ esperjenza jibqa’ fis-servizz, pajjiżna ma jkunx qed iżomm biss ħaddiem. Inkunu qed ninvestu f’aktar għarfien, kompetenza u esperjenza li jistgħu jkunu ta’ valur għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” qal il-Ministru Bedingfield.

Il-Ministru fakkar li s-sigurtà hija wkoll marbuta direttament mal-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. “Biex tgħix ħajja tajba jrid ikollok moħħok mistrieħ mis-sigurtà. Moħħok mistrieħ li hemm min qiegħed jieħu ħsieb. Dak hu xogħol il-Korpi Dixxiplinati tagħna. Għalhekk, meta ninvestu f’dawn in-nies, inkunu qed ninvestu wkoll fis-serħan il-moħħ u fil-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna,” temm jgħid il-Ministru.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport