Wednesday, December 25, 2024

Il-PA ħarġet infurzar fuq kiosks f’Kemmuna li ma tqegħdux fi triq uffiċjali

Kompliet bil-ħidma tagħha kontra strutturi illegali fil-kampanja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar ġimgħat komplew l-ilmenti b’rabta mas-sitwazzjoni f’Kemmuna. Fost ilmenti oħra, il-Moviment Graffiti qiegħed jisħaq li r-raġuni tas-sitwazzjoni gravi fil-Blue Lagoon hija x-xibka ta’ kummerċ intensiv li ħakmet din il-bajja. Qalu li mhux id-deckchairs u l-umbrelel biss, iżda wkoll id-dgħajjes kbar (bħal katamarani) li jġorru mijiet ta’ turisti u n-numru esaġerat ta’ gabbani kbar li joħolqu skart u storbju insostenibbli. 

Talk.mt tkellmet mal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) b’rabta mal-ħidma tagħha f’dan ir-rigward. Fil-kummenti tagħha lil dan is-sit l-awtorità ċaħdet li ma tiħux azzjoni meta jidħlulha rapporti ta’ illegalitajiet. Kelliem għall-PA qalilna li ttieħdet azzjoni fil-konfront numru ta’ kiosks f’Kemmuna. 

Inbdiet azzjoni ta’ infurzar minħabba li skont spezzjonijiet li saru, nstabu tliet strutturi li ma tqegħdux fi triq uffiċjali u għalhekk kienu jikkostitwixxu bidla fl-użu tal-art li tqiegħdu fuqha. Strutturi mqiegħda fuq triq uffiċjali huma regolati minn Transport Malta. Kompliet biex tgħid li bħala awtorità tinsab infurmata li tnejn mit-tliet strutturi li fuqhom inħareġ l-avviż ta’ infurzar sal-lum tneħħew mis-sidien rispettivi.

“Uħud ineħħu, uħud japplikaw biex jirregolaw u oħrajn jibqgħu jinħarġulhom il-multi”

Dan is-sit staqsa wkoll rigward spezzjonijiet b’rabta ma’ strutturi mibnija illegalment minn sidien ta’ għelieqi għal skopijiet rikreazzjonali. Wara numru ta’ lmenti li waslulna,  staqsejna lill-PA dwar x’ħidma għaddejja biex kemm jista’ jkun jitwaqqfu dawn l-illegalitajiet.  

F’dan ir-rigward, l-PA qalet li taġixxi skont il-proviżjonijiet tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp 2016, u l-liġijiet sussidjarji, bl-istess mod kif tagħmel fuq kull allegat żvilupp illegali ieħor.  Il-ħidma tal-Awtorità tikkonsisti f’li tinvestiga lmenti, u tagħmel ukoll ħilitha biex tipprevjeni żvilupp illegali. L-Awtorità intervjeniet fuq diversi strutturi fil-kampanja, fejn kien hemm min segwa l-istruzzjonijiet mogħtija mill-uffiċjali u neħħa l-iżvilupp illegali, oħrajn issottomettew applikazzjoni biex jissanzjonaw l-iżvilupp illegali, filwaqt li oħrajn nħarġilhom avviż ta’ infurzar bil-multa kuljum minħabba li l-iżvilupp feġġ wara l-2012.

Ekonomija

Sport