Saturday, November 23, 2024

Il-PA tagħti protezzjoni lil 3 fortizzi fin-Nofsinhar ta’ Malta

Aqra wkoll

Tliet fortizzi mill-era Britannika ngħataw status ta’ Grad 1 mill-Awtorità tal-Ippjanar. Dan huwa l-ogħla livell ta’ protezzjoni tal-bini li tista’ tipprovdi l-PA.

Il-binjiet protetti huma l-Forti tas-Silġ u l-Forti ta’ Delimara, li jinsabu f’Marsaxlokk, kif ukoll il-Forti San Leonardo f’Ħaż-Żabbar.

Fl-aħħar tas-seklu 19, l-Ingliżi kienu mħassba dwar theddid potenzjali għall-gżejjer Maltin, partikolarment il-vulnerabbiltà ta’ Malta għall-attakki mill-baħar. Peress li l-Italja kienet għadha kemm ingħaqdet fi stat wieħed, dan il-pajjiż ġar tagħna kien beda jasserixxi l-poter politiku u militari tiegħu, u għalhekk saru theddida.

Madankollu, ir-riskji għal Malta Britannika ma waqfux biss mal-Italja. Fl-1869, infetaħ il-Kanal ta’ Suez, li ippermetta li l-vapuri jaslu l-Asja u partijiet mill-Afrika mill-Mediterran; dan għamel il-merkanzija siewja tal-Gran Britannja vulnerabbli għall-attakki tal-għadu. Malta wriet li kienet maħżen u bażi utli ħafna matul il-Gwerra tal-Krimea, li tospita u ttrasporta persunal u oġġetti lejn l-Ewropa tal-Lvant.

Dak iż-żmien, il-gżira kienet isservi wkoll bħala ċentru mediku, fejn tieħu ħsieb il-morda u l-midruba fl-Isptar Bighi.

Ir-rivali tal-Gran Brittanja, Franza u l-Italja, kienu wkoll żviluppaw il-poter fl-artillerija navali u disinn ta’ vapuri aktar avvanzat, u dan kompla jqajjem tħassib f’Malta. Il-fortifikazzjonijiet qodma li jmorru lura għall-perjodu tal-Kavallier ma kinux għadhom biżżejjed biex jirripellaw vapuri u balal daqshekk qawwija.

Mit-tluq tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, in-naħa t’isfel tal-gżira kienet tħalliet bi ftit jew xejn difiżi, u għalhekk il-fortizzi mqiegħda strateġikament għenu biex jikkontrollaw l-aċċess għaż-żona speċjalment ix-xatt.

Dawn il-fortizzi nbnew bl-użu ta’ ġebla tal-ġir ta’ oriġini lokali u huma arkitettonikament notevoli peress li jirrappreżentaw kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-Inġiniera Brittaniċi u l-bennejja Maltin u nies tas-sengħa oħra.

Il-binjiet għandhom stil Vittorjan tipiku ta’ strutturi ta’ difiża tipikament mibnija bejn l-1850 u l-1890.

Is-swar kienu ddisinjati b’karatteristiċi tipiċi tal-perjodu, inklużi fossijiet, kwartieri għall-militar, u ħitan difensivi. Madankollu, għandhom ukoll elementi uniċi bħal caponiers, Guthrie rolling bridges, u bibien miksijin bil-metall li jiddistingwuhom minn fortifikazzjonijiet storiċi oħra.

Il-Forti Delimara għad għandu erbgħa mis-sitt kanuni kbar oriġinali ta’ 38 tunnellata li jippontaw lejn il-baħar f’posthom, minbarra ħafna mill-bibien u twieqi oriġinali miksijin bil-metall, li huma elementi rari ħafna. Hemm ukoll eżempji rari ta’ kanuni misjuba fil-Forti San

Leonardo u Tas Silg. Għalkemm il-Forti tas-Silġ u l-Forti San Leonardo tilfu xi karatteristiċi oriġinali, xorta fadlilhom bosta dettalji strutturali sinifikanti. Ilkoll huma meqjusa storikament siewja, bħall-Forti San Leonardo, li bit-tqassim uniku tiegħu fil-forma ta’ djamant jigbed ħafna interess mir-riċerkaturi.

Is-swar ta’ dawn il-fortizzi huma ppreservati tajjeb, inklużi l-karatteristiċi difensivi tagħhom bħal glacis u toroq ta’ aċċess imħaffra fl-art.

Il-Forti tas-Silġ għandu veduta xenika tal-Bajja ta’ San Tumas u l-art tal-madwar, filwaqt li l- Forti ta’ San Leonardo huwa mdawwar b’irziezet moderni, li, matul is-snin, bidlu l-karattru rurali taż-żona.

Il-fortizzi Britanniċi huma suġġett li jiġbed ħafna interess u riċerka. Għalkemm hemm diversi kotba li jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar dawn it-tipi ta’ bini, hemm aspetti oħra li b’aktar studju jistgħu jiġu esplorati f’aktar dettall, bħall-ħajja ta’ kuljum tal-persunal militari, l-użu ta ‘fortifikazzjonijiet, u metodoloġija ta’ kostruzzjoni.

Malta rnexxielha tippreserva ħafna minn dawn il-binjiet, kif ukoll dokumentazzjoni abbundanti li titfa’ dawl fuq il-kostruzzjoni, id-disinn, u l-operat attwali tagħhom.

Il-potenzjal ta’ riċerka ta’ fortifikazzjonijiet u binjiet militari bħal dawn u oħra Brittaniċi f’Malta huwa għoli ħafna u suġġett attraenti għar-riċerka.

Hemm aktar minn 3,000 propjetà skedata madwar il-Gżejjer Maltin li huma protetti mill-Awtorità tal-Ippjanar, inklużi fortizzi. Il-PA tipprovdi protezzjoni għal proprjetajiet u siti ta’ sinifikat kulturali jew naturali għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Il-pubbliku jista’ jaċċessa r-reġistru ta’ dawn il-proprjetajiet u siti protetti permezz tal-link li ġej: https://www.pa.org.mt/scheduled.

Sport