Sunday, December 22, 2024

IL-PAC JILQA’ T-TALBA TA’ YORGEN FENECH BIEX TIĠI SOSPIŻA X-XHIEDA TIEGĦU

Aqra wkoll

Yorgen Fenech, li qed ikun mixli b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ilbieraħ issejjaħ biex jixhed quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali b’rabta mal-proġett tal-Electrogas.

Fenech iddaħħal fil-bini tal-Parlament taħt sigurtà stretta u kien akkumpanjat ukoll mill-Avukati tiegħu, Dr Gianluca Caruana Curran u Dr Charles Mercieca. Fil-bidu tas-seduta, l-Avukati ta’ Fenech talbu lill-Kumitat biex tiġi sospiża x-xhieda tiegħu sakemm jitlestew il-proċeduri kriminali li hemm kontrih fil-Qorti.
Huma sostnew li Fenech għandu kawża li l-Qorti li se tiddetermina l-futur ta’ ħajtu fejn l-Avukat Ġenerali qed jitlob piena ta’ għomor ħabs u għalhekk saħqu li l-ġlieda tiegħu hija fil-Qorti.

Wara li ġiet sospiża s-seduta għal xi ħin, l-Avukati ta’ Fenech ivverbalizzaw it-talba għas-sospensjoni tax-xhieda billi kkwotaw kemm l-Erskine May kif ukoll tliet rulings li kienu ngħataw mill-Ispeaker. Minnufih wara, Fenech intalab joħroġ mill-kamra sakemm il-Kumitat ikun jista’ jiddeċiedi fuq din it-talba.

Iċ-Ċermen tal-Kumitat, id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott, saħaq li f’dan l-istadju, il-Kumitat kellu jissospendi x-xhieda sakemm jinqatgħu s-sentenzi fil-konfront ta’ Fenech, bil-membri tal-Gvern jiddikjaraw li kienu qed jaqblu ma’ din it-talba.

Fenech imbagħad intalab sabiex jerġa’ jidħol lura fil-kamra, biċ-Ċermen tal-Kumitat jinfurmah li t-talba biex tiġi sospiża x-xhieda tiegħu ġiet aċċettata.

Aktar kmieni: DIRETT: L-avukati ta’ Fenech jitolbu li tiġi sospiża x-xhieda tiegħu sakemm jitlestew il-proċeduri kriminali fil-Qorti

Fil-bidu tas-seduta, l-Avukati ta’ Fenech talbu lill-Kumitat sabiex fid-dawl tal-istadju tal-proċeduri ma jiħux ix-xhieda ta’ Fenech, jissospendi pendenti l-eżitu tal-proċeduri kriminali li hemm fil-Qorti.

Huma sostnew li Fenech għandu kawża l-Qorti li se tiddetermina l-futur ta’ ħajtu fejn l-Avukat Ġenerali qed jitlob piena ta’ għomor il-ħabs u għalhekk il-ġlieda tiegħu hija fil-Qorti.

Yorgen Fenech jinsab mixli b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, liema delitt seħħ f’Ottubru tal-2017. Is-seduta tal-Kumitat ġiet sospiża għal xi ħin.

Fenech qed ikun assistit mill-avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca.

13:45: Sigurtà stretta barra l-Parlament … Yorgen Fenech mistenni jixhed quddiem il-PAC

Minn hawn u ftit tal-minuti oħra mistenni jixhed Yorgen Fenech quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali b’rabta mal-proġett tal-Electrogas.

Barra l-Parlament hemm sigurtà stretta, kif jista’ jidher mir-ritratt stess.

Iktar dettalji fil-ħin li ġej…

Ekonomija

Sport