“M’aħniex se nissellfu biex nixtru l-armi u l-munizzjon. Għalina l-paċi, id-diplomazija u d-djalogu jibqgħu l-qofol tas-soluzzjonijiet dejjiema.” Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fi Stqarrija Ministerjali li għamel fil-Parlament fejn tkellem dwar il-parteċipazzjoni tiegħu f’laqgħa oħra tal-Kunsill Ewropew li saret il-Ħamis li għadda fi Brussell.
Il-Prim Ministru qal li f’din il-laqgħa ġew diskussi diversi temi fosthom l-Ukrajna. Qal li l-pożizzjoni tiegħu baqgħet konsistenti fejn saħaq li filwaqt li għandna nibqgħu nappoġġjaw lill-Ukrajna, irridu nibqgħu naħdmu attivament għall-paċi u nassiguraw li kwalunkwe qbil li jintlaħaq irid jirrispetta l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna madanakollu jrid jiġi adotatt approċċ pragmatiku li jinvolvi diskussjonijiet madwar il-mejda tan-negozjati b’involviment attiv kemm mill-Ukrajna, ir-Russja, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti.
Huwa rrefera wkoll għall-White Paper li varat il-Kummissjoni Ewropea dwar il-futur tad-difiża u s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, u f’dan ir-rigward tenna li l-pożizzjoni ta’ Malta baqgħet konsistenti u bbażata fuq ir-rispett lejn in-newtralità kostituzzjonali ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru żied isemmi li f’din il-laqgħa saret diskussjoni importanti dwar il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea u t-tisħiħ tas-Suq Waħdieni. “Komplejna d-diskussjoni dwar ir-riformi meħtieġa biex niggarantixxu li s-Suq Waħdieni jaħdem għal kulħadd u jibqa’ joffri prosperità liċ-ċittadini u n-negozji kollha, huma fejn huma, fl-UE. Bħalissa hi prominenti s-sejħa għas-simplifikazzjoni fil-liġijiet Ewropej.”
“Sħaqt li ma nistgħux inħallu pazjenti Maltin ibatu u jkunu żvantaġġjati minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna. Kif għamilt f’ittra li bgħatt lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen fil-jiem ta’ qabel is-summit, enfasizzajt fuq il-bżonn li nsibu soluzzjoni permanenti biex naraw li l-pazjenti Maltin ikollhom aċċess ugwali u bi prezzijiet ġusti għal dawk il-prodotti essenzjali,” qal il-Prim Ministru.
Sadanittant, il-Prim Ministru għamel referenza għal laqgħa oħra li saret ’il barra mill-Kunsill Ewropew, bejn diversi mexxejja ta’ Stati Membri, fejn ġiet trattata t-tema ta’ soluzzjonijiet innovattivi għall-isfida tal-immigrazzjoni irregolari. Għal din il-laqgħa attendiet ukoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.
Huwa nnota kif grazzi għall-ħidma serja li rnexxielu jwettaq pajjiżna fl-aħħar snin, naqsu b’mod drastiku l-wasliet ta’ immigranti irregolari. Però rrikonoxxa li minkejja dawn is-suċċessi kollha, ġurnata taf tibdel kollox, b’mod partikolari għax pajjiżna huwa meqjus “front line country”, bi pressjoni diretta mir-rotta tan-Nofsinhar tal-Mediterran.
Min-naħa l-oħra, huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li kif jixhed dan il-grupp li qed jiltaqa’ qabel kull Kunsill Ewropew, “bl-isforzi li wettaqna bħala pajjiż illum ġibna l-maġġoranza tal-mexxejja tal-istati membri tal-UE jitkellmu bħalna u qed jipparteċipaw b’interess fid-diskussjoni għar-riformi li għandna bżonn. Hu ċar li l-isfida hi kumplessa, tmur lil hinn minn dak li niddeċiedu fi Brussell.”
Dr Abela qal li l-akbar problema għall-UE, minbarra l-wasliet irregolari, hi l-falliment kbir fin-nuqqas ta’ ritorni effettivi ta’ dawk li ma jikkwalifikawx għall-ażil. Hawn saħaq li pajjiżna dejjem kien, għadu u se jibqa’ minn ta’ quddiem biex jiġġieled għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem iżda fejn huwa meritat.
“Bl-appoġġ ta’ dan il-grupp li jirrappreżenta l-maġġoranza tal-istati membri tal-UE, u bl-appoġġ tal-Kummisjsoni Ewropea, il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa minn Mejju li ġej tista’ toffri pjattaforma, opportunità unika, biex tiġi faċilitata diskussjoni dwar il-konvenzjoni tant importanti.
“Huwa fl-interess kollettiv tal-UE li nassiguraw is-sostenibiltà u l-implimentazzjoni responsabbli tal-konvenzjoni li tkun iżda konsonanti mar-realtajiet tal-lum,” temm jgħid il-PM.