Saturday, November 9, 2024

“Il-paċi tibda minn fuq il-bankijiet tal-iskola”

Patri Dijonisju Mintoff

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Tgħiduli x’għandu x’jaqsam dan il-premju għat-tfal tal-iskejjel mal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna? X’għandhom x’jaqsmu t-tfal Maltin fuq gżira ċkejkna ma’ miljuni ta’ tfal oħra f’dawk l-inħawi? Għandha x’taqsam għax nemmnu bis-sħiħ li l-paċi titnissel fuq il-bankijiet tal-iskola.”

Iddikjara dan Patri Dijonisju Mintoff f’diskors li għamel waqt ċerimonja organizzata mil-Laboratorju tal-Paċi fil-Palazz ta’ Sant’Anton li matulha ngħata l-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija lil Chayenne Abela, studenta ta’ 14-il sena li tgħin oħra bi sfidi ta’ komunikazzjoni.

Patri Mintoff beda biex għamel referenza għal kliem Papa Franġisku meta qal “li teduka liż-żgħażagħ għall-fraternità biex jitgħallmu jegħlbu l-qasmiet u l-konflitti u jkunu lesti jilqgħu lill-oħrajn u jiksbu l-ġustizzja u l-paċi.”

“Li teduka,” saħaq il-Papa, “hu li tirriskja li jkun hemm tensjoni bejn il-moħħ, il-qalb u l-idejn f’armonija hekk kbira li tħoss dak li taħseb u tagħmel u tagħmel dak li tħoss u taħseb.” 

“Il-veru edukatur ma jibża’ qatt mill-iżbalji imma jrid jimxi magħhom f’din it-triq”

Patri Dijonisju Mintoff

Patri Mintoff kompla jgħid li teduka mhux li tgħid affarijiet li tkun diġà għedthom jew irrepetejthom iżda li tilqa’ dak li jingħad mar-realtà, min qed jitgħallem jista’ jiżbalja iżda l-edukatur jakkumpanjahom biex jevitaw dawn l-iżbalji għax jistgħu jkunu perikolużi.

“Il-veru edukatur ma jibża’ qatt mill-iżbalji imma jrid jimxi magħhom f’din it-triq, jaqbdilhom idejhom, jismagħhom, jiddjaloga magħhom, ma jitnaffarx mill-iżbalji imma ma jiqafx mit-tagħlim li jġegħlu jaħseb li qed jagħżaq fl-ilma. Irird jibqa’ jistenna l-waqt tajjeb. Ma jiqafx jesperimenta. L-iskola jew id-dar issir laboratorju ta’ esperimenti tal-ħajja,” tenna Patri Mintoff.

Huwa żied jgħid li għandna nitgħallmu mill-imgħoddi imma m’għandniex nieqfu hemm. “Irridu nimxu ‘l quddiem. Jekk naħsbu fina nfusna biss f’pajjiżna u fil-familja tagħna biss ningħalqu f’ghetto. Irridu nisimgħu l-karba tal-oħrajn u nagħtu widen mhux b’widnejna biss imma b’idejna wkoll.” 

Qal li llum għandna problemi tan-nuqqas ta’ żvilupp, ta’ gwerra, ta’ nies li jinsabu waħedhom. Qal li d-dinja ta’ għada se tkun waħda differenti… tisbaħ l-era post-industijali, ċiviltà ta’ pjaċir sfrenat, ħin ħieles li qatt ma kien hawn bħalu, impenn teknoloġiku li jekk ma nkunux attenti sewwa jagħmlu l-bniedem ilsir flok ħieles.

“Din hija l-edukazzjoni umana. Naħdmu sewwa għall-ħtiġijiet tad-dinja tal-lum u nibnu s-sisien ta’ viżjoni ġdida għad-dinja ta’ għada,” qal Patri Mintoff. Huwa rrikonoxxa wkoll li dawn l-aħħar sentejn ta’ pandemija kienu żminijiet ibsin għal kulħadd, l-iżjed għall-istudenti. 

“Tul it-tfulija u ż-żgħożija tagħhom l-istudenti jeħtieġu li jkunu ma’ dawk l-istess età tagħhom, qrib tagħhom taħt l-istess saqaf jitkellmu, jitolbu u jgħixu flimkiem biex jaqsmu ma’ xulxin il-ħolm u x-xewqat tagħhom għal-ġejjieni,” tenna Patri Mintoff.

Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Malta George Vella qal lil Chayenne u Szintia li r-rabta ta’ bejniethom tfakkarna kemm bl-empatija u l-mogħdrija kapaċi negħlbu d-diffikultajiet u nwettqu u nilħqu għanijiet li ma konna qatt nimmaġinaw. 

Fid-diskors tiegħu, il-President fakkar kemm il-pandemija għallmitna ngħożżu dak kollu li verament iġibilna ferħ f’ħajjitna. Żied li kienet ħasra li filwaqt li kellna ċ-ċans nixtarru fuq dak li vera jgħodd, b’tama li nibdew ħajjitna mill-ġdid, kellna nixhdu għal att ta’ mibegħda u kruha ta’ gwerra li ma hi xejn ħlief riżultat ta’ kilba għall-poter, u fantasija ta’ saħħa militari u politika. “L-egoiżmu, l-indifferenza u r-rgħiba jwasslu biss għal firda u jeqirdu l-umanità li tant ħassejna n-nuqqas tagħha matul il-pandemija,” stqarr il-President.

“L-ebda siġra ma tiekol mill-frott tagħha imma l-ġid hemm ikun”

Patri Dijonisju Mintoff

Għan-nom tal-poplu Malti, il-President irringrazzja lil Patri Dijonisju Mintoff li kien pijunier fil-promozzjoni tal-paċi u tal-inklużjoni f’pajjiżna. Il-ħidma tiegħu fil-Laboratorju tal-Paċi, qal il-President, kienet ta’ xprun fit-tkattir tat-tjubija u tal-għaqda, ħidma li ġiet rikonoxxuta b’mod ċar mill-Papa Franġisku fiż-żjara tiegħu fil-Laboratorju tal-Paċi. 

Min-naħa tiegħu, Patri Dijonisju Mintoff, Fundatur tal-Laboratorju tal-Paċi, stqarr li “Il-paċi titnissel fuq il-bankijiet tal-iskola”. Qal li teduka mhux li tgħid affarijiet li tkun għidthom, tirrepetihom sena wara oħra, imma li teduka hu li tlaqqa’ dak li jingħad mar-realtà, u tpoġġi fil-prattika dak li tipprietka.

Sport