Malta għadha fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea b’paga minima relattivament baxxa meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra fl-istess Blokk. Madankollu wieħed irid imur lil hinn miċ-ċifri nominali u jħares lejn id-direzzjoni politika, l-istruttura ekonomika u l-għażliet li saru fil-passat li wasslu għas-sitwazzjoni attwali. Aktar importanti minnhekk, irridu naraw lejn fejn irridu naslu.
Skont l-aktar statistika mill-Eurostat, f’1 ta’ Jannar 2026 Malta kellha paga minima ta’ €994 fix-xahar. Dan l-ammont ipoġġi lil pajjiżna fost tmien Stati Membri b’paga minima taħt €1,000. Din id-differenza hija biss ta’ €6.
Fil-kuntest sħiħ Ewropew, minn 27 pajjiż tal-UE, 22 għandhom paga minima nazzjonali u filwaqt li pajjiżi kbar bħall-Ġermanja, Franza u l-Irlanda għandhom pagi minimi ferm ogħla, dan jirrifletti ekonomiji bi skala, produttività u storja industrijali kompletament differenti minn tagħna. Tqabbil dirett u nieqes mill-kuntest ikun żbaljat.
Il-paga minima u l-livell tal-prezzijiet
Meta l-pagi minimi jiġu aġġustati għall-livell tal-prezzijiet (PPS), id-differenzi bejn il-pajjiżi jonqsu b’mod sinifikanti. Fil-fatt, Malta tidħol fit-tieni grupp Ewropew, jiġifieri dak ta’ pagi minimi bejn PPS 1,000 u PPS 1,500 flimkien ma’ pajjiżi bħall-Greċja, il-Portugall u Ċipru.
Dan ifisser li, f’termini ta’ kapaċità ta’ akkwist, il-paga minima Maltija mhiex fost l-aktar dgħajfa fl-UE u ż-żbilanċi estremi jonqsu meta jitqies l-għoli tal-ħajja.
Il-bidla fil-politika tal-pagi
L-aktar aspett li jistħoqqlu attenzjoni serja huma l-miżuri li ttieħdu mill-2013 ’l hawn biex fost l-oħrajn tiżdied proprju l-paga minima nazzjonali. Għal snin twal taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, il-paga minima kienet tiżdied biss bil-COLA, mingħajr ebda viżjoni fit-tul jew mekkaniżmu strutturat biex jindirizza l-faqar fost il-ħaddiema bi dħul baxx. Ir-riżultat kien staġnar reali fil-pagi, fejn iż-żidiet nominali kienu jittieklu mill-inflazzjoni.
Bil-bidla fil-Gvern fl-2013, ġiet introdotta filosofija differenti fejn il-paga minima ma baqgħetx trattata bħala obbligu amministrattiv, iżda bħala għodda ta’ politika soċjali u ekonomika. Il-ħolqien tal-Low Wage Commission, iż-żidiet annwali fuq il-COLA u l-ftehim multi-annwali li jwassal għal żidiet garantiti sal-2027, kollha juru approċċ serju, prevedibbli u favur il-ħaddiem.
L-akbar żieda strutturata fil-paga minima
F’termini konkreti, bejn l-2013 u l-2026 il-paga minima f’Malta telgħet b’aktar minn €290 fix-xahar. Din hija l-akbar żieda strutturata fil-paga minima fl-istorja reċenti ta’ pajjiżna u diffiċli wieħed isib perjodu taħt gvernijiet preċedenti fejn sar investiment simili fil-ħaddiema bi dħul baxx.
Dan ma jfissirx li kollox huwa perfett. Il-pressjonijiet tal-għoli tal-ħajja huma reali u l-paga minima waħedha diffiċli tgħix biha. Imma, ta’ min jirrikoxxi li almenu, għall-ewwel darba, pajjiżna għandu pjan, direzzjoni u impenn politiku biex il-paga minima tkompli titla’ b’mod sostenibbli.
Gvern Laburista għażel li jindirizza l-problema u dan l-aħħar stħarriġ mill-Eurostat jikkonferma li l-għażla saret u l-proċess beda.

