Sunday, November 24, 2024

“Il-pajjiż qed iħares li jirnexxi fil-kwalità u mhux fil-kwantità”

Il-Prim Ministru Robert Abela

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Aktar milli l-kwantità, il-pajjiż qed jagħti każ li jirnexxi fil-kwalità f’diversi setturi fosthom il-qasam tal-impjiegi. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm aktar ħaddiema b’ħiliet diversi u li tingħata imbuttatura lis-setturi li biex jimxu ‘l quddiem ma jeħtiġux ħafna ħaddiema.

Sostna dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f’intervista li saritlu fuq ONE Radio. Huwa spjega fid-dettall il-viżjoni tal-gvern fejn it-tkabbir ekonomiku jrid isir b’enfasi fuq il-kwalità fejn l-investiment isir f’dawk l-oqsma li minnhom tgawdi l-iktar is-soċjetà u jirbaħ il-ġid komuni.

Filwaqt li saħaq li m’hemm ebda pajjiż li ma jridx ikompli jikber, il-Prim Ministru fisser kif dan irid isir bis-sens u ta eżempji konkreti ta’ kif il-gvern qed jimplimenta din id-direzzjoni. 

“L-ewwel punt. Pajjiżna jrid jibqa’ jikber ekonomikament. M’hawnx pajjiż fid-dinja li ma jaspirax li jkabbar l-ekonomija. Mingħajr tkabbir ma hemmx progress soċjali.  U dan il-moviment qatt mhu se jaċċetta li jkisser il-ħolm u l-aspirazzjonijiet tan-nies. It-tieni punt.Il-pajjiż irid jikber b’emfasi fuq il-kwalità u jikber fejn hemm bżonn. U fejn hemm bżonn? F’dawk is-setturi li meta jirnexxu, igawdu l-ħafna u mhux il-ftit. Tgawdi s-soċjetà, tgawdi l-komunità. Il-ġid komuni.”

It-tieni punt li semma l-Prim Ministru huwa li nkunu ċari ħafna fil-kwistjoni tal-iżvilupp ekonomiku. . “Ħaddiema barranin fejn meħtieġ iva, fejn mhux meħtieġ le. U din ma hijiex kwistjoni ta’ nazzjonalità. Hija kwistjoni ta’ żvilupp ekonomiku… “F’din it-tranżizzjoni ekonomika qed nieħdu u nippromwovu triq differenti. L-operaturi tal-ekonomija tagħna jridu jwettqu bidliet kbar fis-snin li ġejjin. Ejja lkoll nifhmu li d-diġitalizzazzjoni u l-qalba ambjentali huma transformazzjonijiet fundamentali li se jolqtu lil kull settur. Hemm sejrin u hemm irridu mmorru. Dik il-prijorità.”

Il-Prim Ministru bagħat messaġġ b’saħħtu wkoll lill-investituri li jridu jinvestu f’pajjiżna.

“Lill-investituri ngħidilhom se ssibuna magħkom jekk tagħżlu li tinvestu fit-teknologija, fil-ħiliet u fil-ħaddiema tagħkom. Imma mhux se ssibuna magħkom jekk il-ħsieb tagħkom huwa li tinjoraw il-bidliet li rridu nagħmlu u tiffukaw biss fuq il-qligħ faċli. Anzi se ssibuna niqfulkom kif diġa’ bdejna nagħmlu. U nagħmlu dan ukoll għax gwidati mit-twemmin soċjal demokratiku tagħna u mill-interess ta’ pajjiżna.”

Dan Gvern li għandu kontroll tas-sitwazzjoni billi jindirizzaha. “Tajna eżempju ċar bil-kwistjoni tal-Y Plates. L-alternattivi fi trasport sbieħ, imma ma stajniex naċċettaw li dan isir negozju ta’ numri bla rażan li fl-aħħar mill-aħħar il-pajjiż ma jkunx qed jieħu valur miżjud. Aħna konna u nibqgħu favur it-tkabbir imma jrid ikun tkabbir regolat u li jagħmel sens. Aġixxejna u waqafna. Taħseb li mingħajr pressjonijiet? Mhux ovvja li jkun hemm. Imma l-messaġġ kien ċar. L-ewwel is-sigurta tal-Għawdxin u l-Maltin u t-tieni li l-kontroll hu u se jibqa’ jkun f’idejn l-awtoritajiet u l-awtoritajiet jiddeċiedu għall-ġid komuni.”

Robert Abela emfasizza kif bl-istess mod il-Gvern qed inħares lejn aspetti oħra. “L-abbuż se niqfulu. Lil dawk li jkunu f’pajjiżna bla permess qed nibgħatuhom lura. Ħidma li ma waqfet qatt u li mhix se tieqaf. U mhux se nieqfu nuruha, ħalli jekk hawn min kien qed jaħseb li jista’ jagħmel li jrid, jifhem li mhux il-każ u li l-awtoritajiet jilħquh ukoll.” Hawnhekk, il-Prim Ministru semma u faħħar il-ħidma tal-infurzar across the board.

F’Għawdex dan l-aktar Gvern li qatt investa

“Għawdex ukoll mlejnih bix-xogħol. L-impjiegi full-time mal-privat f’Għawdex kibru b’madwar 4,300 jew bi kważi 90%. Meta Malta t-tkabbir fl-istess qasam kien ta’ 60%. Il-ġid nazzjonali ras għal ras f’Għawdex issa laħaq 63% tal-medja nazzjonali, meta fl-2012 kien 58% biss.”

Il-Prim Ministru qal ukoll kif din is-sena, il-Gvern qed jalloka aktar minn 82 miljun ewro għal Għawdex.

“Qed nitkellmu fuq Għawdex li mexa ‘l quddiem. Fuq Għawdxin li qed jgħixu aħjar. Jien niltaqa’ man-nies, kuljum. U l-Għawdxin li niltaqa’ magħhom ikellmuni fuq kemm għalihom l-iktar ħaġa importanti hi li jkollhom ix-xogħol. U issa l-istrateġija tagħna għal Għawdex għaż-żmien li ġej x’inhi. Li hawn ukoll ngħollu l-kwalità.”

Sport