Saturday, October 26, 2024

“Il-pajjiż sar sit ta’ kostruzzjoni sħiħ” 

L-Oppożizzjoni tattakka l-pjan ta’ żvilupp f’Malta u l-viżjoni tal-Gvern

Aqra wkoll

Fit-12-il seduta stabbilita għall-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Ippjanar tal-estimi tal-budget għas-sena 2023 il-Membru Parlamentari tal-PN, Stanley Zammit, saħaq li l-Gvern huwa obbligat li jagħmel sistema komprensiva sostenibbli tal-ippjanar fil-pajjiż. Filwaqt li saħaq li fl-aħħar budget il-Gvern ma ħabbar xejn ġdid iżda għamel kontinwazzjoni ta’ skemi diġà eżistenti, huwa attakka l-importazzjoni “massiċċa” ta’ ħaddiema barranin li konsegwenza tagħhom “ħolqu domanda kbira għall-proprjetà u din fil-kwantità u mhux fil-kwalità”.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista qal li l-ippjanar tal-iżvilupp huwa determinat mill-politika li jimbotta l-Gvern u fil-każ tal-Gvern tal-PL, għalih, dan ħoloq politika soġġetta għall-interpretazzjoni. “Illum għandna sistema tqila mmens u red tape li ma jispiċċa qatt. Is-suq tħalla bla kontroll u spiċċajna b’lokalitajiet b’ħafna bini b’konsegwenza ta’ pajjiż imkerrah bin-nies frustrati u rrabjati minħabba t-tnaqqir fil-kwalità tal-ħajja b’effett ħażin fuq saħħithom. Il-pajjiż sar sit ta’ kostruzzjoni sħiħ,” iddikjara Zammit.

Fir-rigward huwa qal li mhux ta’ b’xejn 60% taż-żgħażagħ iridu jitilqu minn Malta u li għandna sitwazzjoni fejn l-ambjent tagħha huwa deterjorat. “Stennejna mudell ekonomiku ġdid u viżjoni fl-ippjanar tal-iżvilupp. Meta se jkun lest l-istudju dwar l-iżvilupp urban?” staqsa dan il-Membru Parlamentari tal-PN. 

Fejn tidħol xiri ta’ proprjetà Zammit saħaq li l-affordabbiltà naqset u llum il-ġurnata saret diffiċli biex żgħażagħ li jridu jibnu familja, jixtru d-dar tagħhom u agħar minnhom, dawk li jridu jixtru waħidhom. 

Huwa qal li l-PN, kif ukoll numru ta’ korpi kostitwiti inklużi għaqdiet ambjentali, ilhom jinsistu li jkun imfassal pjan strateġiku ħolistiku għall-ambjent u l-iżvilupp u biex ikun hemm proċess ta’ konsultazzjoni trasparenti. Saħaq li, “għandna bżonn nippjanaw l-ambjent u mhux inkomplu niżviluppaw u li jibqa’ jkun l-ambjent tagħna”.

Filwaqt li assigura li l-Oppożizzjoni hija miftuħa għal diskussjoni serja dwar l-ippjanar tal-iżvilupp lokali, Zammit qal li mhuwiex aċċettabbli li kulħadd jikser il-liġi u li jeħtieġ li l-Gvern jesprimi l-viżjoni tiegħu għal dan il-pajjiż. Huwa appella biex il-gvern jimbarka fuq pjan strateġiku ħolistiku tal-ippjanar b’eko sistemi effiċjenti u effettivi bil-għan li nindirizzaw il-modi kif nistgħu nżidu l-kompettittività tagħna, jkollna akkomodazzjoni affrodabbli u ambjen isbaħ għall-ġid ta’ kulħadd.

F’dan id-dibattitu għan-naħa tal-Oppożizzjoni tkellmu wkoll Tony Bezzina u Ryan Callus fejn Bezzina enfasizza fuq l-effetti pożittivi u oħrajn negattivi li hemm wara li evolviet l-Awtorità tal-Ippjanar tul is-snin mentri Callus indirizza l-fatalitajiet fost il-ħaddiema tal-kostruzzjoni.

Ryan Callus semma’ l-fatt li din is-sena hija waħda rekord fil-fatalitajiet fis-settur u saħaq li quddiem din “iċ-ċifra inkwetanti ta’ tħassib kbir” għandhom jaħdmu flimkien biex jaraw x’hemm ħażin u jaraw kif jistgħu jtejbu s-sitwazzjoni għax “wara kull vittma hemm familja”.

Sport