Thursday, June 25, 2026

Il-Pala d’Altare fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi 

IL-FONDAZZJONI BOV TAPPOĠĠJA R-RESTAWR TA’ OPRA TAL-ARTI RARI TAS-SEKLU 15

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni BOV appoġġjat il-konservazzjoni u r-restawr ta’ opra tal-arti rari fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi, li tmur lura għas-seklu 15. Din il-pala d’altare reġgħet tqiegħdet fil-knisja wara li ġie fi tmiemu l-proġett ta’ restawr li dam tliet snin. 

Dan ix-xogħol huwa ċċentrat madwar Il-Lamentazzjoni, pittura tas-seklu 15 ta’ importanza kbira li hija attribwita lil artist Sqalli mhux magħruf li kien attiv fl-ewwel nofs tas-seklu. Din hija akkumpanjata minn żewġ pannelli laterali oħra tas-seklu 15, San Ġorġ u d-Dragun u San Girgor ma’ Qaddisa, attribwiti lil bottega tal-arti fl-Italja ta’ Fuq, probabbilment ta’ provenjenza Lombarda. Għalkemm illum jidhru bħala opra tal-arti waħda, it-tliet pannelli huma xogħol ta’ artisti differenti u nħadmu fi żminijiet differenti, qabel ma nġabru flimkien fil-kuntest devozzjonali u liturġiku tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ.

Sa nofs is-seklu 17, il-pannelli kienu ngħaqqdu flimkien fuq l-altar tal-Pietà, fejn ġew immuntati separatament fi struttura waħda. Kien ukoll f’dan iż-żmien li ġie integrat il-kurċifiss fil-kompożizzjoni. 

Ix-xogħlijiet ta’ konservazzjoni, fdati lil PrevArti Laboratories, inkludew eżami tekniku, dokumentazzjoni fotografika u grafika, investigazzjonijiet permezz tal-infrared u X-radiographic, konsolidazzjoni taż-żebgħa u tal-istrutturi tal-injam, tindif, tneħħija kkontrollata ta’ verniċ u żebgħa li żdiedet matul is-snin, kif ukoll tiswijiet strutturali. Sar xogħol biex imtlew il-partijiet li ntilfu, sar irtukkar reversibbli u ngħatat applikazzjoni ta’ verniċ protettiv. Il-proġett inkluda wkoll id-disinn u l-installazzjoni ta’ sistema apposta biex din l-opra tal-arti tiġi eżebita b’mod sigur. 

Pierre Bugeja, fundatur u konservatur ewlieni ta’ PrevArti, osserva li dan il-proġett ta’ konservazzjoni żvela informazzjoni storika u ikonografika importanti. L-istudju permezz tal-infrared u tindif wera li żebgħa miżjuda maż-żmien kienet bidlet b’mod sostanzjali d-dehra ta’ San Ġorġ u d-Dragun, billi ħbiet dettalji oriġinali tad-dragun, tal-armatura, u elementi oħra narrattivi. Fil-pannell tal-lemin, ix-xogħol ta’ konservazzjoni kixef ukoll l-identità tal-Qaddisa li takkumpanja lil San Girgor: reċipjent li qabel kien ġie mibdul biex jidher bħala ktieb instab li fil-fatt huwa kalċi. Dan wassal biex din il-figura tiġi identifikata bħala Marija Maddalena.

Dan il-proġett huwa wieħed mill-aktar inizjattivi sinifikanti ta’ konservazzjoni u restawr appoġġjati mill-Fondazzjoni BOV. Ernest Agius, COO tal-BOV u Deputat Chair tal-Fondazzjoni, qal, “Permezz tal-Fondazzjoni BOV, aħna kburin li nappoġġjaw inizjattivi li jipproteġu u jippreservaw il-wirt nazzjonali Malti, sabiex ikun jista’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.”

Il-pala d’altare serviet bħala l-pittura titulari tal-knisja parrokkjali minn nofs is-seklu 15 sal-1632, meta ġiet sostitwita b’pittura titulari ġdida ta’ San Ġorġ u d-dragun, xogħol Gaspare Formica.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport