Hekk kif id-dinja tinsab bl-attenzzjoni tagħha dwar il-Papa Emeritus Benedittu XVI, stqarrija li ħarġet mill-Vatikan intqal li l-lejl li għadda l-Papa Emeritus irnexxielu jistrieħ sew.
“Hu jinsab f’kundizzjoni serja ħafna ta’ saħħa però f’dan il-mument jinsab stabbli,” intqal fl-istqarrija filwaqt li ġie żvelat ukoll li l-Papa Emeritus għandu qed jikkomunika ma’ dawk li hemm ħdejn.
Min-naħa tiegħu Papa Franġisku li skont rapporti fil-midja internazzjonali lbieraħ wara l-Udjenza Ġenerali mar iżur lill-Papa Emeritus, reġa’ talab lid-dinja biex jitolbu għalih “f’dawn l-aktar sigħat diffiċli.”
Intant, Frank Zammit, l-Ambaxxatur Malti għal Vatikan fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook kiteb informazzjoni interessanti ferm dwar il-Papa Emeritus Benedittu XVI.
Zammit jikteb li l-“familja” li tgħix ma’ Benedittu XVI fil- fil-Monasteru Mater Ecclesiae hija maghmula minn sitt persuni.
Miegħu hemm is-Segretarju Partikolari Tiegħu l-Arċisqof Georg Ganswein li ta’ min jgħid li dan kien jassistih ukoll meta kien għadu fit-tmexxija tal-Knisja Kattolika.
Imbgħad hemm ukoll erba’ nisa kkonsagrati li Zammit isehħilhom il-“Memores Domini”. Dawn huma Carmela, Loredana, Cristina u Rossella.
Magħhom ukoll hemm Birgit Wansig li hi wkoll lajka konsagrata u li anke tassistih fi rwol ta’ segretarjali. Wansig kienet taħdem miegħu sa miż-żmien li kien prefett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi.
L-Ambaxxatur Frank Zammit kiteb li “fl-2010, Benedittu XVI kien tilef lil Memor Domini Manuela Camagni meta kienet inqatlet minn daqqa ta’ karozza f’Via Nomentana. Dakinhar Papa Ratzinger kien qaddes il-quddiesa tal-funeral tagħha. Kien baqa’ profodament milqut minn din id-disgrazzja fejn darba kien stqarr id-dulur kbir li kien qiegħed iħoss u li kien jiġi kkonsolat biss mil-fidi tiegħu.