Tuesday, April 30, 2024

Raġel jammetti li ħebb għal ieħor fil-Marsa

Jgħid li kien fis-sakra wara li sema’ bl-aħbar tal-mewt ta’ missieru

Aqra wkoll

Raġel li ammetta li weġġa’ ieħor f’argument li seħħ fit-18 ta’ Diċembru u disat ijiem wara heddu b’arma, iddikjara fil-Qorti li huwa wettaq dawn ir-reati wara li kien fis-sakra meta rċieva l-aħbar tal-mewt ta’ missieru.

Bashir Abdullah Mohammed ta’ 23 sena ġie mixli li weġġa’ ħafif lil Mahamed Hassan Muhudin, li kiser il-paċi pubblika fil-Marsa u li hedded lill-istess raġel b’arma nhar is-27 ta’ Diċembru.

L-akkużat, li huwa Somalu, ġie mixli wkoll li għex ħajja ta’ għażż u vagabondaġġ u li naqas milli jsegwi l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Il-Maġistrat Charmaine Galea semgħet ukoll kif l-akkużat kien arrestat fuq reat ieħor u waqt li kien fuq police bail kien arrestat minħabba konfront ieħor mal-allegat vittma, li kien jgħix fl-istess inħawi tal-akkużat.

Huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, u permezz tal-interpretu tiegħu qal li jiddispjaċih ta’ dak li ġara u ma kellux l-intenzjoni li jweġġa’ lill-vittma jew li jwettaq reat.

L-Avukat Josette Sultana, li dehret għal Mohammed, sostniet li l-klijent tagħha kien ikkollabora mal-pulizija fl-investigazzjonijiet u kellu fedina penali nadifa, filwaqt li rrimarkat li wħud mill-akkużi kienu kontravenzjonijiet.

Id-Difiża argumentat li l-inċident kien riżultat sfortunat taċ-ċirkostanzi tar-raġel, u spjegat ukoll li huwa kien qed jiddefendi lilu nnifsu.

Fid-dawl tal-ammissjoni tiegħu, il-Qorti kkundannat lil Mohammed għal disa’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elisia Scicluna.

Sport