Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku għadu kif wasal f’pajjiżna fejn matul dawn il-jumejn se jkun qed jagħmel diversi żjarat kemm f’Malta kif ukoll fil-gżira Għawdxija.
Huwa wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-ħabta tal-10.00am., permezz ta’ titjira tal-linja tal-ajru Taljana ITA Airways.
Kif ippubblikajna dalgħodu, apparti mill-ogħla awtoritajiet ta’ pajjiżna, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku ġie milqugħ minn żewġt itfal, Sam li għandu l-epilessija u Amy li fortunatament fieqet mil-leukemia.
Preżenti kien hemm ukoll membri tal-kleru fosthom il-Kardinal Għawdxi Mario Grech, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna u l-Isqof t’Għawdex Anton Teuma.
Il-Papa se jibqa’ sejjer lejn Pjazza San Ġorġ fejn se jkollu żjara ta’ kortesija fil-Palazz tal-President. Hemmhekk se jkollu laqgħa mal-President, mal-Prim Ministru u anki mal-Korp Diplomatiku.
Wara, il-Qdusija Tiegħu se jkun qed joħroġ fil-gallarija tal-Palazz biex isellem lin-nies.