Fl-ewwel messaġġ tiegħu waqt l-Urbi et Orbi tal-Għid il-Kbir, il-Papa Ljun XIV ħeġġeġ lil dawk li għandhom l-armi sabiex iniżżluhom.
Huwa tkellem dwar il-ħtieġa għall-paċi “li ma tkunx imposta bil-forza iżda permezz tad-djalogu. Mhux bix-xewqa li tiddomina lil ħaddieħor imma billi tiltaqa’ magħhom.”
Quddiem folla kbira ta’ nies li nġabret fi Pjazza San Pietru, il-Vatikan, il-Papa enfasizza li l-paċi li jagħtina Ġesù hi dik li tmiss u tittrasofrma l-qlub ta’ kull wieħed u waħda minna.
Huwa wissa li d-dinja bħal donnu “qiegħda tidra l-vjolenza.” Qal ukoll li qed “insiru indifferenti” mhux biss għall-imwiet ta’ eluf ta’ nies, iżda wkoll għar-riperkussjonijiet tal-mibegħda u l-firda li l-kunflitti qed iġibu magħhom kif ukoll għall-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tagħhom.
Kien hawn fejn sostna li ma nistgħux nibqgħu indifferenti. “Ejjew insemmgħu l-għajta għall-paċi li toħroġ minn qlubna. Għal din ir-raġuni nistieden lil kulħadd biex jingħaqad miegħi f’velja ta’ talb għall-paċi li se niċċelebraw hawn fi Pjazza San Pietru nhar is-Sibt li ġej,” temm jgħid il-Papa.

