Saturday, December 21, 2024

Il-Parlament Ewropew adotta t-talbiet tiegħu għas-summit dwar il-klima

Aqra wkoll

Il-Parlament Ewropew adotta t-talbiet tiegħu għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima COP29, li għandha l-għan li tiddefinixxi mira kollettiva ġdida għall-finanzjament tal-azzjoni klimatika. Is-summit tal-COP29 qed isir bejn il-11 u t-22 ta’ dan ix-xahar f’Baku, il-kapitali tal-Ażerbaijan. Malta hija rappreżentata minn delegazzjoni mmexxija mill-Ministru għall-Ambjent, Enerġija u Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli.

Ir-riżoluzzjoni, imħejjija mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurtà fl-Ikel, ġiet approvata l-bieraħ il-Ħamis b’429 vot favur, 183 kontra u 24 astensjoni, tappella lill-pajjiżi kollha biex jaqblu dwar għan kollettiv ġdid ta’ wara l-2025 dwar il-finanzjament tal-klima li huwa soċjalment ġust, allinjat mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, u bbażat fuq varjetà ta’ sorsi innovattivi ta’ finanzi pubbliċi u privati.

Il-membri parlamentari ewropew qed isostnu li l-ekonomiji ewlenin u emerġenti kollha b’emissjonijiet għoljin u Prodott Gross Domestiku għoli jikkontribwixxu finanzjarjament għall-azzjoni globali għall-klima. Huma appellaw lill-Unjoni Ewropea biex iżżid id-diplomazija ekoloġika tagħha ħalli tgħin fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi internazzjonali, tevita r-rilokazzjoni tal-karbonju, u żżid l-appoġġ pubbliku għall-azzjoni klimatika.

Huma qed isostnu wkoll li l-UE għandha tinkoraġġixxi u tappoġġja pajjiżi oħra biex jintroduċu jew itejbu mekkaniżmi ta’ pprezzar tal-karbonju, bħas-sistema tagħha ta’ skambju ta’ emissjonijiet u l-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-fruntieri tal-karbonju.

Il-COP29 trid tibgħat sinjal mhux ambigwu bħala segwitu għall-impenn tal-COP28 għat-tranżizzjoni ‘l bogħod mill-fjuwils fossili, inkluż it-tneħħija gradwali tas-sussidji kollha diretti u indiretti għall-fjuwils fossili kemm jista’ jkun malajr u r-riallokazzjoni ta’ dawn ir-riżorsi lejn azzjoni klimatika.

Ekonomija

Sport