Monday, December 9, 2024

Talba ta’ ħabs u projbizzjoni elettorali għal Marine Le Pen

Aqra wkoll

Il-prosekutur ta’ Pariġi qed jitlob sentenza ta’ ħames snin ħabs u projbizzjoni ta’ ħames snin minn kull kariga politika għal Marine Le Pen, il-mexxej tal-lemin estrem fi Franza. Le Pen qed tiġi mixlija f’każ ta’ finanzjament illegali tal-partiti.

Il-prosekutur, Nicolas Barret talab li l-projbizzjoni politika ssir effettiva immedjatament wara l-verdett, anki jekk it-tim tad-difiża jappella mis-sentenza. B’hekk Le Pen ma tkunx tista’ tikkontesta l-elezzjoni presidenzjali fl-2027.

Hi u aktar minn 20 uffiċjali għolja oħra tal-partit huma akkużati li qabbdu assistenti biex jaħdmu fuq xogħol tal-partit Rally Nazzjonali (RN), aktar milli jaħdmu għall-Parlament Ewropew li kien qed iħallashom.

Le Pen ċaħdet l-akkużi u qalet lill-ġurnalisti li s-sentenza mitluba kienet “għajb” u akkużat lill-prosekuzzjoni illi qed tipprova teqred lill-partit tagħha RN.

Wara s-seduta tal-qorti fil-kapitali Franċiża, fejn tinsab għaddejja ġuri ma’ 24 akkużat ieħor, hija ġiet ikkwotat li qalet li x-xewqa tal-prosekuzzjoni hija li ċċaħħad lill-poplu Franċiż d-dritt li jivvota lil min irid.

Le Pen kienet ġiet megħluba mill-president attwali Emmanual Macron fl-aħħar elezzjoni presidenzjali fl-2022 bi 58.55% għal 41.45% iżda RN huwa l-akbar fost il-partiti kollha fl-Assemblea Nazzjonali.

Minbarra s-sentenza ta’ ħabs u l-projbizzjoni mill-kariga politika, qed tintalab ukoll multa ta’ €300,000 kontra l-mexxej tal-RN. Is-sentenza ta’ ħabs proposta hija konvertibbli u l-aġenzija tal-aħbarijiet AFP ta’ Franza tgħid li Le Pen mhux neċessarjament tmur il-ħabs.

Madankollu, il-projbizzjoni tal-kariga politika tidħol fis-seħħ immedjatament u ma tistax tiddewwem jew tkun ostskolata bil-proċess tal-appelli, kif xi wħud kienu qed jistennew. Il-prosekutur talab li l-projbizzjoni tapplika wkoll għall-25 akkużati l-oħra.

L-imputati flimkien mal-partit RN innifsu, bħala entità legali, huma akkużati li ħaslu fondi parlamentari tal-Unjoni bEwropea biex iħallsu s-salarji tal-ħaddiema tal-partit.

Skont il-każ tal-prosekuzzjoni, Le Pen ippresediet sistema għal diversi snin li fiha membri tal-RN minn Pariġi ġew assenjati bħala assistenti parlamentari tal-UE fi Brussell. Fil-Qorti qed jiġi argumentat li dawn l-uffiċjali tal-RN rari ħadmu fil-parlament tal-UE u ma kellhom ebda rwol hemmhekk.

Iċ-chairman tal-RN Jordan Bardella, li mhuwiex fost l-akkużati fil-każ, sejjaħ it-talbiet tal-prosekuzzjoni bħala “attakk fuq id-demokrazija” u qal li l-prosekuzzjoni mhux qed taġixxi b’mod ġust u qed tfittex li tippersegwita u tagħmel vendetta fuq Marine Le Pen.”

Sadsnittant, l-avukat tal-Parlament Ewropew, Patrick Maisonneuve, qal li mhux sorpriż bis-sentenza li qed tintalab. Anzi, hemm konsistenza fit-talbiet tal-prosekuzzjoni.

Il-ġuri għandu jkompli sas-27 ta’ Novembru.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport