Wednesday, December 25, 2024

Il-Parlament Ewropew irid estensjoni taċ-Ċertifikat Ewropew tal-Covid

Aqra wkoll

Il-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew, nhasr il-Ħamis li għadda approva proposti biex il-qafas taċ-Ċertifikat Diġitali COVID tal-Unjoni Ewropea jinżamm fis-seħħ għal sena oħra.

Biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-dritt tagħhom għall-moviment ħieles irrispettivament minn kif tkun qed tiżviluppa l-pandemija tal-COVID-19, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni approva żewġ rapporti biex itawwal is-sett ta’ skemi taċ-Ċertifikat Diġitali COVID (EUDCC) tal-UE. 

Dan kellu jiskadi fit-30 ta’ Ġunju li ġej iżda qed jiġi propost li jkun estiż għal 12-il xahar ieħor. Ir-rapporti ġew adottati bi 48 favur 16 kontra.

Flimkien mal-estensjoni tal-validità tal-iskema EUDCC sat-30 ta’ Ġunju 2023, il-bidliet jippermettu wkoll lill-istati membri li jagħtu ċertifikati tat-test ibbażati fuq tipi ġodda ta’ testijiet tal-analiżi tal-antiġen.

Il-Parlament Ewropew emenda l-proposti sabiex jenfasizza li l-istati membri għandhom jevitaw restrizzjonijiet addizzjonali fuq il-moviment ħieles għad-detenturi tal-EUDCC, sakemm ma jkunx assolutament meħtieġ. 

Jekk ikunu meħtieġa restrizzjonijiet, dawn għandhom ikunu limitati u proporzjonati u bbażati fuq l-aħħar parir xjentifiku miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa tal-UE.

Il-Parlamentari Ewropej qed jitolbu wkoll lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tivvaluta jekk l-iskema EUDCC hijiex meħtieġa u proporzjonata sitt xhur wara l-estensjoni tagħha. Huma jridu jqassru l-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament hekk kif is-sitwazzjoni epidemjoloġika tippermetti.

Il-ħolqien taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE (EUDCC) ġie adottat F’Ġunju 2021 biex jiffaċilita l-moviment ħieles fl-Ewropa matul il-pandemija, għal perjodu limitat ta’ 12-il xahar.

Ekonomija

Sport