Saturday, May 4, 2024

ARA: “Fl-opinjoni tiegħi l-ġurija ma kinitx favur tiegħi… ma nistax nifhem xi stajt nagħmel iktar”  

Franklin Calleja jgħid li għaż-żmien li ġej se jkun qed jieqaf mill-kompetizzjonijiet mużikali

Aqra wkoll

Franklin Calleja huwa kantant li għandu 27 sena u li ilu jikkompeti f’diversi festivals u kompetizzjonijiet mużikali għal dawn l-aħħar 11-il sena. Apparti l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Festival Mużika Mużika fejn interpreta kanzunetti mill-isbaħ, Calleja kkompeta wkoll fil-Malta Eurovision Song Contest fejn fl-2016 kien kiseb it-tielet post u X Factor għalkemm qatt ma rnexxielu jirbaħ. Għaxar snin ilu rebaħ it-tieni edizzjoni ta’ Don’t Stop Me Now u saħansitra fl-2018 kien fil-finali ta’ San Marino. 

Hu għandu diversi kanzunetti li huma ferm ritmiċi u sbieħ fosthom “Warajk”, “Love will take me home”, “Roll The Dice”, “Stay”, “Let your heart talk” u “Little Love” fost l-oħrajn.

Ftit tal-ġranet ilu, Franklin mar fuq il-profil soċjali tiegħu fuq Facebook sabiex ħabbar li għaż-żmien li ġej se jkun qed jieqaf mill-kompetizzjonijiet mużikali. Il-karriera ta’ kantant li hu jsejħilha waħda mill-isbaħ u li fiha kellu diversi esperjenzi iżda jidher li hu lest sabiex jibda kapitlu ġdid f’ħajtu u jmur lil hinn mill-kompetizzjoni, għallinqas għalissa.

YouTube video

“Kapitlu ieħor magħluq. “Wennisni”… kuntent illi kien hemm min apprezza dak illi għamilt u l-abbilta tal-vuċi. Hekk kif “Wennisni” tagħlaq il-kapitlu tieghi fuq il-media… mil-lum ‘il quddiem se nħares lejn materjal ġdid, mingħajr kompetizzjoni.”

“Wennisni” hi l-isem tal-kanzunetta li biha Franklin Calleja ipparteċipa f’Mużika Mużika fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u li biha spiċċa fid-disa’ post ta’ dan il-kompetizzjoni.”

Hu jgħid ukoll, “Ngħidilkom biss grazzi, grazzi ta’ kemm emmintu fija, tul dawn id-disa’ snin meraviljużi u tajtuni s-sapport! Il-mużika sabiħa u tgħaqqadna u għalhekk xorta ser nibqa’ għaddej b’dak illi nħobb mingħajr kompetizzjoni.”

Talk.mt tkellmet ma’ Franklin li deher viżibilment iddiżappuntat bir-riżultat finali ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

“Id-diżappunt jibqa’ hemm. Għalkemm minn hawn nixtieq nifraħ lil Kurt Calleja li kien ir-rebbieħ ta’ dan il-festival. Verament jistħoqqlu għax kellu diska sabiex jagħmel dan.”

“Ma nistax ma nsemmix id-diska b’saħħitha li kellha Claudia Faniello u l-mużika ħelwa ta’ Kantera li hi ferm espressiva. Bla dubju li kien hemm diski ta’ livell f’dan il-festival Mużika Mużika. Flimkien mal-kantanti kienet serata li diffiċli tinsiha.”

Hu semma’ kemm ħass il-pressjoni għal dan il-festival speċjalment fis-serata finali għalkemm kellu kliem tal-kritika għall-ġurija li kienet qed tiġġudika dawn il-kanzunetti.

“Kif rajt il-ġurija, mal-ewwel indunajt li ma tantx se japprezzaw il-mużika tiegħi iktar u iktar għax ġejjin minn qasam ferm differenti u jisimgħu ġeneru lil hinn mill-ballads.”

“Fl-opinjoni tiegħi, il-ġurija ma kinitx favur tiegħi u mal-ewwel għedt li se jitfgħuni lura fil-voti tagħhom. Fil-verità ma nistax nifhem xi stajt nagħmel aħjar waqt is-serata finali li jiena rajt li kelli wirja aħjar minn dik ta’ jumejn qabel. Kieku jistgħu jkellmuni u jgħiduli x’għamilt ħażin, inkun nista’ nirranġa fil-futur. Jien lest li naċċetta l-kritika u ntejjeb fejn għamilt ħażin.”

Hu jgħid li ssottometta diski li huma ta’ stil imsejjaħ uptempo għalkemm kienet ballad li għaddietlu għal din il-kompetizzjoni. Id-diska Wennisni kienet waħda melodjuża u mimlija emozzjoni.

Franklin Calleja ammetta li ma jridx iħalli d-diżappunt jirkbu aktar u aktar għax hu tip ta’ bniedem li malajr jaqta’ qalbu.

“Veru li jien ftit nikkummenta għax ma nemminx li wieħed irid iparla ħafna wara kompetizzjoni għalkemm nistqarr li wara din il-kompetizzjoni ninsab xi ftit diżappuntat, kważi kważi weġġajt ukoll wara dawn is-snin nikkompeti u dan kollu minkejja li ċerti nies urew fiduċja fil-kanzunetta tiegħi.”

Minkejja kollox, Franklin irrikonoxxa li kienet ballad li rebħet dan il-festival u li kienet interpretata bl-aqwa mod minn Kurt Calleja.

Mistoqsi dwar l-esperjenza tiegħu f’dan il-festival li wasal fit-tieni edizzjoni tiegħu, Franklin qal li kien onorat li qasam il-palk mal-aqwa kantanti li hawn fil-gżejjer Maltin.

“Il-fatt li int tkanta fuq palk li jospita fih numru ta’ kantanti Maltin ta’ stoffa hi xi ħaġa ferm sabiħa. U fuq kollox mhux xi ħaġa li tiġri ta’ kuljum li tkanta flimkien mal-mużika ferm sabiħa tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Kien spettaklu verament sabiħ, organizzat sal-inqas dettall u b’atmosfera ferm sabiħa.”

Madankollu Franklin jgħid li wara 11-il sena jikkompeti fl-aqwa livelli u bi pressjoni kbira, wasal iż-żmien li jkun hemm pawsa.

“Ma kinitx deċiżjoni daqshekk faċli li nieqaf nikkompeti għalkemm xi kultant waqfa tagħmel il-ġid ukoll. Nemmen li issa nista’ naħdem fuq materjal ieħor bla pressjoni ta’ xejn u anke dan fih il-prestiġġju tiegħu wkoll.”

Franklin żvela li se jkun qed jaħdem fuq materjal ġdid għar-radju li fih jappella għal semmiegħa partikolari u jinsab eċitat li se jkun qed jimraħ fuq materjal differenti.

“Lil hinn mill-ambjent ta’ kompetizzjoni, meta artist jieqaf ftit sabiex jaħseb fi stil ġdid, fil-verita’ jkun qed jiġġedded dejjem aktar. Jien hekk se nagħmel u fuq kollox se niffoka dejjem aktar fuqi nnifsi għax għandi bżonn!”

Tlabna lil Franklin Calleja sabiex jgħaddi messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-kant u l-mużika. Hawnhekk dan il-kantant kien skjett fit-tweġiba tiegħu.

“L-ewwel u qabel kollox, importanti li ma taqtgħux qalbkom. Se jiġu mumenti iebsin bħalma ġara lili stess iżda mbagħad hawn tidħol l-importanza li tqum fuq tiegħek u tiġġieled mal-mewġ li jkun ġej kontrik. Mhux faċli tasal fil-quċċata għalkemm trid tibqa’ tippersisti u ma taqtax qalbek.”

Finalment Franklin ammetta li se jkun qed iħoss in-nuqqas tal-kompetizzjoni għalkemm jgħid li dan il-format ma jgħoddx għalih u għalhekk m’hemmx aktar bżonn ta’ ġurija sabiex tiġġudika l-wirjiet tiegħu fuq il-palk speċjalment jekk ma tapprezzax dak li hu jkanta għalih. Fil-fatt ġaladarba hu jemmen f’dak li jagħmel, irid iżomm il-fiduċja li għandu sabiex jilħaq u jimxi fuq it-tragwardi personali ġodda tiegħu.

Wara kollox, dan il-mument ta’ riflessjoni u bdil fl-istil professjonali tiegħu se jgħinu sabiex jiġġedded dejjem aktar u joħroġ l-aqwa materjal possibbli għall-benefiċċju tas-segwaċi tiegħu li tant jgħaddulu kliem ta’ tifħir u kuraġġ.

Sport