Tuesday, May 14, 2024

IS-SAĦĦA MENTALI FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL TITFGĦUHIEX FUQ IL-ĦADDIEMA

Aqra wkoll

Fuq il-postijiet tax-xogħol tagħna fl-aħħar xhur żdiedet sew l-ansjetà u t-tensjoni. Ansjetà u tensjoni li ġejjin minn diversi fatturi. Kemm minħabba li ħaddiema spiċċaw jaħdmu bi ġranet imnaqqsa, kemm minħabba li fuqhom qed jintefa’ aktar xogħol  u anke minħabba l-pressjonijiet li qed ikun hemm minħabba l-imxija tal-Covid19. 

Ovvjament l-effett ta’ dan hu li qed ikollna aktar ħaddiema li jibdew ibatu minn mard mentali.  Mhux biss minħabba dak li għaddejjin minnu fuq il-post tax-xogħol imma anke minħabba dak li qed jiffaċċjaw fi djarhom u l-fatt li tista’ tgħid li spiċċaw maqfulin fi djarhom. 

Jiddispjaċina imma li hawn sidien ta’ postijiet tax-xogħol f’pajjiżna li l-kwistjoni tal-mard mentali fost ħaddiema tagħhom fuq il-post tax-xogħol qed jitfgħuha fuq l-istess ħaddiema.

Hi inaċċettabbli li dawn l-istess ħaddiema mhu jsibu appoġġ ta’ xejn fuq ċertu postijiet tax-xogħol. Għandna sitwazzjoni fejn il-post tax-xogħol partikolari kapaċi jissapportik għal ftit ġranet. Il-messaġġ li qed jirċievu l-ħaddiema hu li jekk il-problema tippersisti iridu jaraw x’se jagħmlu. Dik solidarjetà ma’ min ikun għamel snin itik servizz!. Dak rispett!

Sa issa ftit li xejn għandna statistika u studji fuq x’tip ta’ stress qed ikun ikkawżat fuq il-postijiet tax-xogħol mill-pandemija, xogħol prekarju, ħinijiet twal ta’ xogħol u pressjonijiet biex min qed fil-kera iħallas il-kirjiet. Nemmnu li dan it-tip ta’ studju hu importanti.

Irridu naraw eżattament kemm hi kbira din il-problema. Fuq kollox irridu naraw it-telework x’effett qed ikollu fuq il-ħaddiema. Verament li dan hu importanti anke biex nikkontrollaw il-pandemija u l-ħaddiema jkunu protetti. Imma rridu noqogħdu attenti li l-ħaddiema ma jispiċċaw jaħdmu f’kull ħin tal-ġurnata inkluż tard bil-lejl sempliċiment għax qegħdin komdi id-dar. Din hi realtà li qed tiġri. Hi realtà mifruxa. 

Sfortunatament l-kwistjoni tal-flessibilità. Hi tajba għal ħaddiema u tajba għas-sidien tal-postijiet tax-xogħol u l-kumpaniji f’dan iż-żmien ta’ sfida. Irridu imma naraw li din imma ma tkunx abbużata. 

Ix-xogħol prekarju li qed jaħdmu fih ħaddiema barranin u anke Maltin, flimkien ma’ kuntratti ta’ xogħol b’kundizzjonijiet xejn tajbin huma ukoll oqsma li f’dan iż-żmien ta’ sfida jistgħu jikkontribwixxu għal problemi fis-saħħa mentali. 

Inutli ngħidu lil ħaddiema biex jitkellmu dwar il-problema mentali li għaddejjin minnha jekk imbagħad fuq il-post tax-xogħol m’hemmx l-appoġġ neċessarju. 

Le mhux minnu li d-dipressjoni hi xi ħaġa li tikkuraha billi toqgħod ftit jiem id-dar.  Inutli tgħidilhom ikunu pożittivi jew jaraw il-pożittiv, għax il-problema ta’ dawn il-ħaddiema hi ferm u ferm ilbogħod minn hekk. 

Nemmnu li ċerti problemi mentali li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema qed iseħħu minħabba dak li qed jiġri f’xi postijiet tax-xogħol. Nemmnu li s-sidien ta’ postijiet ta’ postijiet tax-xogħol għandhom ikunu huma li jaraw li l-postijiet tax-xogħol ma joħolqux problemi ta’ saħħa mentali u mhux nitfgħu l-piż fuq il-ħaddiem. Nibdew nitrattaw il-problema, meta nkunu nafu eżattament din il-problema kemm hi mifruxa f’pajjiżna. 

Sakemm niddeċiedu li xi ħadd jagħmel dan, se jibqa’ jkollna persuni li jibdew ibatu minn mard mentali u dipressjoni, bil-piż li dan kollu jġib.

Sport