Thursday, April 18, 2024

Il-Parlament Ewropew isellem il-memorja ta’ David Sassoli

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Parlament Ewropew sellem il-memorja tal-President tiegħu David Sassoli li miet fil-11 ta’ Jannar li għadda fi sptar f’Aviano, l-Italja. 

Huwa kellu 65 sena u kien iddaħħal l-isptar fis-26 ta’ Diċembru jbati minn mard serju fosthom pneumonia. Minn Settembru li għadda lil hawn huwa ddaħħal diversi darba l-isptar.

Sassoli miet ftit jiem biss wara li skada l-perjodu tiegħu ta’ sentejn u nofs bħala President tal-Parlament Ewropew. Huwa qatta’ ħafna mill-mandat tiegħu jmexxi l-Parlament f’diffikultajiet straordinarji kkawżati mill-pandemija tal-Covid-19.

Fost dawk li kienu preżenti għaċ-ċerimonja li fakkret il-memorja ta’ Sassoli fi Strasburgu kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, li aktar qabel iffirma wkoll il-ktieb tal-kondoljanzi.

Intant, il-President-interim tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fid-diskors tagħha ta’ introduzzjoni qalet li: “l-Ewropa tilfet mexxej. Aħna tlifna ħabib. David kien wieħed minna.”

“Id-destin ried li kellu jkun il-President ta’ dan il-Parlament f’mument partikolarment diffiċli u delikat fejn kellhom jittieħdu deċiżjonijiet kuraġġjużi u ġġieled meta l-Parlament kien attiv matul ix-xhur l-iżjed kritiċi tal-pandemija.”

“Dan ippermettilna nkomplu bl-attività tagħna leġiżlattiva u napprovaw pakketti leġiżlattivi importanti ħafna li l-Ewropa u ċ-ċitadini tagħha kellhom bżonnhom,” qalet Metsola. 

“David iġġieled bl-ikbar kuraġġ sal-aħħar mument. Il-battalja tiegħu kontra l-faqar, l-inġustizzji, l-iżolament se jkunu ta’ eżempju għalina u anke l-appell tiegħu għall-Ewropa biex inħarsu l-iżjed vulnerabbli, nabbandunaw l-indifferenzi u ngħinu biex nibnu dinja ġdida li tirrispetta l-bnedmin u l-ambjent ukoll.

“David, id-destin ried li l-ħajja tiegħek tispiċċa fi żmien bikri wisq meta kien għad fadal ħafna x’tagħmel. iżda se nonoraw ix-xogħol tiegħek. Aħna nirringrazzjawk ta’ dak kollu li għamilt,” temmet tgħid Metsola.

Intant, kien ippjanat oriġinarjament qabel il-mewt tal-President Sassoli, l-elezzjoni tal-President tal-Istituzzjoni għat-tieni nofs tal-mandat se ssir għada t-Tlieta matul il-plenarja ta’ Strasburgu. L-elezzjonijiet tal-Viċi Presidenti u tal-Kwesturi se jsegwu sussegwentement.

Ekonomija

Sport