Monday, December 23, 2024

Il-Parlament Ewropew jiddiskuti kif se jsir indipendenti mill-enerġija Russa

Aqra wkoll

Il-Parlament Ewropew qiegħed ifassal pjan biex l-istati membri jsiru indipendenti mir-Russja fil-qasam tal-gass. 

Fid-dawl tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, il-Parlament ħa wkoll pożizzjoni favur pjan urġenti fl-Unjoni Ewropea li jiżgura s-sigurtà tal-ikel. Dan fid-dawl li flimkien, l-Ukrajna u r-Russja huma responsabbli għall-30 fil-mija tal-kummerċ fil-qamħ u iżjed minn 50 fil-mija tal-kummerċ taż-żerriegħa tal-ġirasol, skont il-Kummissjoni Ewropea. 

Madankollu, il-Parlament Ewropew jemmen li l-istati membri għandhom jaqtgħu kull negozju mar-Russja, inkluż fil-qasam tal-enerġija. Il-Kummissjoni Ewropea ressqet pjan biex l-Unjoni Ewropea issir indipendenti mir-Russja u tirrispondi għaż-żieda fil-prezzijiet fl-enerġija. 

Dan il-pjan, msejjaħ REPowerEU, se jara li jiddiversifika s-sorsi ta’ gass, ivarja l-proċessi ta’ enerġija rinovabbli iżjed malajr, u jissostitwixxi l-gass fi proċessi li jikkreaw l-enerġija u s-sħana. Dan il-pjan jara li jnaqqas id-domanda għall-gass mir-Russja b’żewġ terzi sa qabel l-aħħar tas-sena. 

Il-President tal-Kummissjoni Ewrpea Ursula von der Leyen qalet li ma nistgħux nibqgħu niddependu minn fornitu li jheddidna. “Għandna bżonn naġixxu issa biex ntaffu l-impatt taż-żieda fil-prezz ta’ l-enerġija, niddiversifikaw il-provvista tagħna tal-gass u nżidu t-transizzjoni għal enerġija nadifa,” qalet von der Leyen. 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola esprimiet l-istess sentiment meta tkellmet mal-President tal-Ukrajna Zelenskyy. “Għandna bżonn inżidu l-isforzi tagħna biex ikollna taħlita ta’ aċċess għal sistemi ta’ enerġiji differenti, biex l-Ewropa ma jkollhiex irbit ma’ nies awtokratiċi,” qalet Metsola. 

Hija saħqet ukoll li l-Ewropa ma tistax tibqa tilqa’ flus mill-Kremlin u tippretendi li m’hemmx kundizzjonijiet. “L-oligarki ta’ Putin u dawk li jgħinuh m’għandhomx jibqgħu jużaw il-poter ta’ flushom biex jinħbew wara stampa rispettabbli fl-ibliet tagħna,” qalet Metsola. 

L-Ewropa u d-dinja kienu xxukjati wara l-attakk tar-Russja fuq l-Ukrajna, li wassal biex iżjed minn 3.4 miljun Ukreni ħarbu minn pajjiżhom. 

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizjattiva ta’ tliet organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta’ kuljum. Dawn l-artikli jirriflettu l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista’ jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

Ekonomija

Sport