Saturday, May 4, 2024

Imħabbar proġett ta’ ċentru terapewtiku sigur għall-minuri

Aqra wkoll

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal ħabbar li se jkun qed iwettaq proġett ta’ Ċentru Terapewtiku Sigur għall-minuri taħt it-18-il sena. Dan iċ-ċentru se jkun qed jinbena fl-Imtarfa b’investiment li jlaħħaq is-€17-il miljun.

L-art fejn se jsir il-proġett fl-Imtarfa kienet allokata lill-gvern u hi ta’ 15-il tomna. Aktar minn 65% tal-art se tkun mingħajr bini u se tinkludi spazji miftuħa u faċilitajiet sportivi, fost oħrajn.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarijiet, meta spjega kif din il-faċilità se tkun qed tilqa’ 24 minuri u żgħażagħ taħt l-età ta’ 18-il sena, li jew ikollhom sentenza mill-Qorti jew li nkella juru diffikultà kbira fl-imġiba jew fl-emozzjonijiet tagħhom.

“Nara l-okkażjoni tal-lum bħala ħolqa oħra importanti li se tkompli tingħaqad ma’ katina ta’ kisbiet li ġabet magħha l-implimentazzjoni tal-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, li daħlet fis-seħħ minn dan il-Gvern f’Lulju tal-2020. Liġi li sa fl-aħħar qiegħda hemm, tiffunzjona bis-sħiħ, u li qed tagħti vuċi b’saħħitha lil kull tifel u tifla. Liġi li fl-aħħar mill-aħħar tagħti l-istess opportunitajiet u aspirazzjonijiet lit-tfal kollha ta’ pajjiżna”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Il-ministru qal ukoll li l-gvern se jkun qed jinvesti s-somma ta’ €17-il miljun fil-bini tal-faċilità u investiment addizzjonali ieħor ta’ kull sena sabiex ikun jista’ jitmexxa l-post bl-aktar mod professjonali.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-gvern għandu l-kredibilità sabiex iwettaq dan il-proġett u spjega li b’dan iċ-ċentru se jkunu twettqu l-wegħdiet kollha marbuta mal-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal.

“L-istess kif għamilna fiċ-Ċentru tal-Ibwar, se naraw li dan il-proġett ikun ċentru ħaj ta’ riabilitazzjoni u li jgħin dawn il-minuri jsibu saqajhom. Dan huwa gvern tan-nies għan-nies li jifhem ir-realtajiet soċjali u ma jinħebhiex warajhom. Aħna gvern li ma jiddejjaqx jindirizza sitwazzjonijiet li jolqtu biss il-minoritajiet. Għalhekk, aħna l-gvern tal-ġustizzja socjali”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Sport